gov.mt

pr220993

PR220993

25/07/2022

​​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-aħħar preparamenti għall-kunċert ta’ Joseph Calleja



Għaddejjin b’ritmu tajjeb l-aħħar preparamenti għall-kunċert tat-tenur Malti Joseph Calleja, bis-sehem tal-artist sopran ta’ fama internazzjonali, Plácido Domingo. 

L-avveniment ta’ din is-sena huwa ta’ sinjifikat importanti hekk kif jimmarka l-25 anniversarju minn mindu ra l-bidu tiegħu f’pajjiżna. 

Dan il-kunċert, li għal din is-sena ser jittella’ f’Manoel Island, il-Gżira, sar jifforma parti integrali mill-kalendarju kulturali u mużikali Malti b’potenzjal li jattira lejn il-gżejjer Maltin niċċa ta’ turiżmu li tagħżel destinazzjoni għall-passjoni tagħha lejn l-arti soprana u mużikali. 

Waqt żjara f’Manoel Island, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka li dan l-avveniment huwa eżempju ħaj ta’ kif il-kultura u t-turiżmu jimxu id f’id.  

“Il-kwalità u l-konsistenza fl-organizzar tal-attivitajiet kulturali f’pajjiżna kulma jmur qiegħed jissaħħaħ. Il-kunċert ta’ Joseph Calleja jinżel b’mod perfett ma’ dawn iż-żewġ prinċipji. It-talent u l-ispettaklu li kapaċi joffri tenur ta’ fama internazzjonali bħal Joseph Calleja m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni minni, anzi s-sodisfazzjon huwa akbar meta tara persuna li tkun Maltija bħalek tagħmillek unur fid-dinja mużikali. Il-konsistenza hija hemm għaliex wara pandemija li ħarbtet l-organizzar ta’ dawn l-attivitajiet, xorta kien hemm ir-rieda li dawn it-tip ta’ avvenimenti jibqgħu fil-kalendarju soċjokulturali ta’ pajjiżna”, sostna l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo. 

Saħaq dwar l-importanza li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkompli tinvesti f’dawn it-tip ta’ avvenimenti biex kemm it-turisti u anke l-Maltin ikollhom prodott diversifikat u ta’ reklam tajjeb għall-pajjiż b’mod ġenerali. 

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, it-tenur Joseph Calleja kif ukoll ażjendi kummerċjali li qed jassistu dan il-kunċert.