Tlesta l-proċess li permezz tiegħu ġie mgħarraq l-vapur MT Hephesteus fiż-żona tax-Xatt l-Aħmar f'Għawdex. Dan ifisser opportunità oħra biex il-bugħaddasa jkollhom attrazzjoni oħra li tkompli tistabbilixxi l-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni attraenti għal dawk kollha li għandhom il-passatemp tal-għadis għal qalbhom.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, kif ukoll uffiċjali mill-Awtorità Maltjia għat-Turiżmu u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif ir-reputazzjoni ta' pajjiżna fin-niċċa turistiku tal-għadis dejjem kienet waħda b'saħħitha. “Dan l-iscuttling huwa konferma oħra li nkomplu nagħtu lill-għaddasa iżjed xelta ta' attrazzjonijiet minn li kien hemm fi snin passati. L-iscuttling tal-vapur Hephesteus jifforma parti integrali mill-viżjoni tagħna li nkomplu nsaħħu l-prodott turistiku ta' pajjiżna," kompla jgħid il-Ministru Bartolo.
Huwa rrimarka wkoll kif t-turisti li jiġu jgħoddsu f'pajjiżna jħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija Maltija. “Turisti li jiġu f'Malta propju biex jgħoddsu fl-ibħra tagħna għandhom tendenza li ż-żjarat tagħhom ikunu relattivament itwal minn turisti oħrajn. L-għan tagħna huwa li noħolqu iżjed attrazzjonijiet marittimi biex insaħħu l-versatilità tagħna f'dan s-settur." temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li permezz tal-iscuttling tal-vapur Hephesteus, Għawdex ser ikollu attrazzjoni oħra x'joffri mal-55 sit tal-għadis diġà eżistenti. “Dan hu pass ieħor biex il-masterplan li varajna f'Mejju ta' din is-sena, u li kien maqbul mal-istakeholders kollha, jiġi imwettaq biex din l-industrija hekk importanti għal Għawdex, tibqa' tkun waħda attraenti u sostennibli għas-snin li ġejjin", saħaq il-Ministru Camilleri.