Għaddejjin ġmielhom l-aħħar tħejjijiet għall-bidu ta' “Caravaggio: The Musical", li hija l-ewwel produzzjoni oriġinali mtella' minn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Dan il-musical ser ikun qiegħed jittella' ta' kuljum bejn l-20 u l-25 ta' Settembru fl-istess binja msemmija.
L-iskop ta' din il-produzzjoni huwa li jiġu attirati Maltin kif ukoll turisti lejn pajjiżna u b'mod partikolari lejn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi permezz ta' produzzjonijiet ta' kalibru u li jiċċelebraw l-istorja u l-kultura ta' pajjiżna. Il-produzzjoni tinkludi 'l fuq minn 80 artist lokali u internazzjonali b'artisti li jinkludu lil Cameron Walker-Pow fil-parti prinċipali ta' Caravaggio. Walker-Pow huwa attur ibbażat fil-West End ta' Londra u li ilu Malta għal dawn l-aħħar ġimgħat għal din il-produzzjoni. Fost l-atturi Maltin insibu lil Lawrence Gray, Roger Tirazona, Neville Refalo, Talitha Dimech, Kateriana Fenech, Bettina Zammit, Louis Andrew Cassar, u Ryan Grech.
Dawn id-dettalji ġew elenkati waqt żjara li saret mil-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Pierre Fenech u tad-direttur, kittieb tal-lirika u l-mużika ta' dan il-musical, Malcolm Galea, Joe Julian Farrugia, u Paul Abela rispettivament. Il-ministru esprima s-sodisfazjon tiegħu għar-rispons pożittiv li qiegħda tesperjenza din l-istess produzzjoni. “Ta' min jinnota illi apparti l-Maltin, kellna konkorrenza tajba ħafna ukoll mill-barranin għal din il-produzzjoni, fejn kwazi 40% tal-biljetti nxtraw minn barranin. Ta' min isemmi li dawn ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom minn pajjiżi Skandinavi, mill-Polonja, l-Ungerija, il-Litwanja, l-Irlanda, l-Olanda, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti, is-Sawdi Arabja u l-Greċja", saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. Huwa żied jgħid li din il-produzzjoni ser tkompli twessa' l-involviment ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fis-settur kulturali u kreattiv ta' pajjiżna, u li l-esperjenza fil-qasam turistiku ser twassal għal aktar kollaborazzjoni f'ideat u prattiċi tajbin bejn iż-żewġ setturi.