Ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu se tiżdied il-koperazzjoni bejn l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità u Caritas Malta. Din il-koperazzjoni se twassal sabiex tiġi stabbilita sistema ta' riferiment komuni, fejn l-utenti tas-servizz ikunu jistgħu jaċċessaw servizzi ta' appoġġ b'mod aktar faċli u effettiv. Permezz ta' dan il-ftehim, il-professjonisti taż-żewġ naħat se jkunu qegħdin jikkoperaw sabiex jitqajjem aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità filwaqt li vittmi oħra jiġu mħeġġa biex ma joqogħdux lura u javviċinaw li xi waħda miż-żewġ entitajiet.
Il-ħaddiema taż-żewġ entitajiet se jkunu qed igawdu ukoll minn dan il-ftehim hekk kif ħafna mit-taħriġ se jibda jingħata wkoll lill-ħaddiema taż-żewġ entitajiet.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, is-Sur Brian Farrugia, u d-Direttur tal-Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Byron Camilleri qal li permezz ta' dan il-ftehim milħuq qed jiġi kommess b'mod prattiku metodu ta' kif iż-żewġ entitajiet jistgħu jaħdmu flimkien b'sens ta' protezzjoni u appoġġ lill-individwi li b'xi mod jew ieħor sfaw vittma ta' fastidju kriminali. Qal ukoll li t-tali kollaborazzjoni se jkollha l-għan li toħloq sistema komuni ta' riferiment fejn l-utent tas-servizz jitpoġġa fiċ-ċentru tal-attenzjoni u 'l bogħod mill-possibilità ta' vittimizazzjoni doppja.
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li “Il-bżonnijiet tal-vittmi jvarjaw mill-ġurnata li jsir ir-reat sal-proċess ġudizzjarju, kif ukoll wara l-proċess. Għalhekk irridu nagħtu r-rikonoxximent dovut u r-rispett lejn kull vittma tal-kriminalità biex jegħlbu dawn l-isfidi." “Qed naraw li l-missjoni tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità u Caritas Malta mhux biss huma simili iżda komplementari għal xulxin biex nilħqu l-għanijiet komuni. Ninsab sodisfatt li qed nara din il-kollaborazzjoni bħala waħda naturali u persważ li ser iħalli l-frott mixtieq li minnu se jibbenefikaw persuni li għandhom bżonn", temm jgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, is-Sur Brian Farrugia, qal li kull vittma għandha d-dritt li tkun trattata b'rispett u dinjità. Trattament xieraq ifisser li naħdmu flimkien sabiex dik il-persuna vittma tal-kriminalità ngħinuha tikseb l-informazzjoni neċessarja u tirċievi gwida legali u appoġġ emozzjonali bl-ebda ħlas u b'mod kunfidenzjali.
“Se nkunu qegħdin naħdmu wkoll sabiex isir skambju ta' għarfien tekniku bejn il-professjonisti u taħriġ fil-qasam tas-sapport għall-vittmi tal-kriminalità. Dan hu ftehim prattiku fejn fil-qalba ta' kollox qegħdin nitfgħu lill-utent tas-servizz bil-ħsieb li kull min jispiċċa f'tali sitwazzjoni, ikollu l-possibilità li jirkupra u jgawdi minn ħajja ta' kwalità aħjar", temm jgħid is-Sur Farrugia.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Caritas Malta, Anthony Gatt, qal li “Il-Fondazzjoni Caritas Malta sa mill-bidu tal-ħidma tagħha għarfet taħdem id f'id ma' entitajiet oħra kemm fi ħdan il-knisja, dawk governattivi, kif ukoll għaqdiet mhux governattivi oħrajn. F'din l-aħħar sena żviluppat opportunità ġdida li naħdmu fil-qrib mal-Victim Support Agency. Kellna networking meetings kif ukoll staff ta' Caritas Malta kien mistieden għal taħriġ fl-istess VSA. Frott ta' din il-viċinanza rajna kif nistgħu nkomplu nikkollaboraw flimkien favur dawk il-persuni li jiġu bżonn l-għajnuna tagħna."
Is-Sur Gatt temm jgħid li dan il-Memorandum ta' Ftehim ser ikompli jsaħħaħ il-ħidma kollaborattiva filwaqt li ser jiffaċilita r-riferti bejn l-entitajiet biex ikun hemm kordinament sħiħ, effettività u effiċjenza, speċjalment ma' persuni li jkunu sofrew trawma f'ħajjithom minħabba dak li jkunu ġarrbu.