Fl-1 ta’ Ottubru tal-2023 ser tkun qed tittella’ l-VisitMalta Challenge Malta Triathlon – kompetizzjoni sportiva li tgawdi minn udjenza dinjija li tlaħħaq it-2.5 miljun triatleta.
It-triathlon hija dixxiplina sportiva li tinvolvi maratona li tgħaqqad l-għawm, iċ-ċikliżmu, u l-ġiri f’tiġrija waħda.
Il-punt tat-tluq tat-triathlon ser ikun minn Baħar iċ-Ċagħaq b’għawma ta’ 1.9 kilometru segwita minn ċikliżmu tul it-triq tal-kosta tas-Salina u Burmarrad sakemm l-atleti parteċipi jaslu għall-aħħar fażi permezz ta’ ġirja li tqarreb il-21 kilometru tul iż-żoni kostali kollha ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema sa Pjazza Tritoni u l-Belt Valletta. Din it-triathlon mistennija tattira madwar 800 atleta minn nazzjonalitajiet differenti lejn pajjiżna.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u l-organizzaturi ta’ din il-kompetizzjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li t-turiżmu sportiv huwa niċċa importanti biex il-prodott turistiku lokali jibqa’ versatili matul is-sena kollha. “L-industrija turistika Maltija taħdem is-sena kollha. Ma tagħlaqx fix-xhur tax-xitwa, minħabba li tul l-aħħar snin irnexxielna ntejbu l-istaġjonalità, u permezz ta’ inizjattivi diversi f’numru ta’ niċeċ partikolari irnexxielna nsaħħu t-turiżmu fix-xhur tax-xitwa b’mod konsistenti”, stqarr il-Ministru Clayton Bartolo. Huwa żied jgħid li grazzi għal ħidma proattiva tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dan kollu qiegħed jiġi sostnut bi pjanar serju u bil-quddiem biex jiġi assigurat li t-turiżmu lejn pajjiżna jibqa’ sostenibbli għaż-żmien li ġej.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-investiment li qed isir f’dan is-settur – mhux biss investiment infrastrutturali, imma wkoll investiment dirett fl-atleti. “Irridu nkomplu nattiraw f’pajjiżna avvenimenti ta’ livell internazzjonali, u għalhekk qed ngħollu l-livell tal-faċilitajiet biex inkunu nistgħu nagħmlu dan”, qal il-Ministru Grima. “Dan qed nagħmluħ għaliex is-settur tal-isport huwa prijorità, imma wkoll għaliex irridu nagħtu l-opportunitajiet kollha possibbli lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi ħalli jikkompetu u jiltaqgħu ma’ atleti u sportivi minn barra pajjiżna f’ambjent sportiv professjonali”, kompla l-ministru. Huwa esprima ringrazzjament għall-ħidma kollettiva li qed issir f’dan is-settur mhux biss mill-assoċjazzjonijiet sportivi, imma wkoll b’mod kollettiv bejn entitajiet u ministeri oħra.