gov.mt

pr221399

PR221399

15/10/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA: Miexi ġmielu x-xogħol fuq Dementia Garden fl-Isptar San Vinċenz

Ir-residenti tal-Isptar San Vinċenz se jkunu jistgħu jgawdu minn Dementia Garden li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqu b’investiment ta’ €750,000.​

 
Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ġie nnutat kif dan huwa proġett ieħor fost sensiela li mhux biss jipprovdi l-aħjar kura medika li għandhom bżonn ir-residenti iżda jindirizza l-bżonnijiet tagħhom.
 
Il-Ministru spjega li l-kunċett ta’ ġnien dementia-friendly huwa wieħed innovattiv u l-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta.
 
Dan il-ġnien se jkun qed ikopri 3,000 metru kwadru u se joffri spazju fejn persuni bid-dimensja jkunu jistgħu jqattgħu ħin f’ambjent adegwat għalihom.
 
Fih se jkunu jistgħu jsiru wkoll attivitajiet differenti, kemm fi gruppi kif ukoll fuq livell individwali.  
 
Il-ġnien mhux biss se joffri ambjent aħjar lir-residenti bid-dimensja iżda wkoll lill-pubbliku ġenerali.
 
Ix-xogħlijiet jinkludu, fost oħrajn, pavimentar ġdid, għamara ta’ barra ġdida u installazzjoni ta’ funtani.