gov.mt

pr221492

PR221492

02/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Il-gvern ikompli jinvesti fl-anzjani tagħna

Għadd ta' servizzi fi klinika multidixxiplinari ġdida f'Dar Padova f'Għajnsielem

 

Ġiet inawgurata klinika multi dixxiplinari ġewwa Dar Padova f'Għajnsielem, Għawdex, b'investiment ta' €140,000. Permezz ta' dan l-investiment, Dar Padova, li ta' kuljum taqdi lill-anzjani Għawdxin fil-bżonnijiet mediċi tagħhom, ġiet rinnovata u attrezzata aħjar. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

 

Ġie spjegat li f'din il-klinika multidixxiplinari se jkunu qed jingħataw għadd ta' servizzi essenzjali li jinkludu dak tat-teħid tad-demm, is-servizz tal-CommCare, ta' psikoterapija, ta' Kontinenza, tal-Allied Health, tas-Silvert-T, Clinical Nutrition, Klinika Vaskulari u oħrajn. Dar Padova se sservi wkoll ta' ċentru ta' matul il-jum għal persuni bid-dimensja, kif ukoll bħala night shelter sabiex toffri kenn għal matul il-lejl lil anzjani li jgħixu waħedhom.

 

Il-ministru spjega li l-investiment f'Dar Padova kien jinkludi wkoll ix-xiri ta' għamara u tagħmir mediku differenti li se jkun qed jintuża mill-professjonisti biex jiġu pprovduti s-servizzi msemmija. Huwa tenna li dan il-proġett jingħaqad ma' kullana ta' proġetti oħrajn mill-gvern għall-anzjani tagħna.

 

Il-Ministru Abela aċċenna wkoll għall-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla li se jkomplu jsostnu l-anzjani f'pajjiżna, fejn semma l-investiment kontinwu fi kliniċi għall-anzjani fil-komunità u investiment għat-tisħiħ tal-isptar San Vinċenz de Paul.

 

“Dan apparti ż-żidiet b'saħħithom mill-ġdid fil-pensjonijiet tal-anzjani f'pajjiżna li saru sinonimi ma' Budgets minn Gvern Laburista. Is-sena d-dieħla mal-100,000 anzjan se jkunu qed igawdu minn żieda ta' €12.50 fil-ġimgħa, b'investiment totali ta' €65 miljun", sostna l-Ministru Abela.

 

Il-Ministru Jo Etienne Abela temm jgħid li l-gvern huwa determinat li jibqa' jinvesti fl-anzjani għaliex jixirqilhom l-aqwa kwalità ta' ħajja.

 

Anzjani Għawdxin eliġibbli għas-servizzi offruti f'Dar Padova jistgħu jimlew l-applikazzjoni li tinsab fuq is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew fiċ-Ċentru Servizz Anzjan li jinsab fir-Rabat, Għawdex. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jċempel fuq 22788238.​​