gov.mt

pr221551

PR221551

12/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta Ċertezza u Stabbiltà: Għas-sena d-dieħla investiment ta’ €154 miljun biex it-turiżmu jkompli jirkupra u jissaħħaħ

 

Għall-baġit tas-sena d-dieħla l-gvern alloka €154,273,000 biex is-settur tat-turiżmu jkompli jirkupra u jissaħħaħ għaż-żmien li ġej.

 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara li saret mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia fuq xogħlijiet infrastrutturali marbutin mal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li minkejja l-isfidi internazzjonali, il-gvern ser ikompli jinvesti biex il-prodott turistiku lokali jaġġorna ruħu maż-żminijiet tal-lum. Huwa sostna li “Qegħdin ninvestu biex intejbu l-infrastruttura turistika ta' waħda mill-iżjed bajjiet popolari f'pajjiżna. L-investiment fil-prodott turistiku mhux kapriċċ imma huwa investiment ħaj u kontinwu f'dinja turistika li qegħda ssir iżjed kompetittività."

 

Il-Ministru Bartolo żied jgħid li t-triq 'il quddiem għas-sena li ġejja ser tkun waħda bbażata fuq it-titjib fil- konnettività bl-ajru permezz ta' żieda fir-rotot u l-frekwenzi li jirrispondu għad-domanda tas-settur, kif ukoll twessigħ tal-attività ta' reklamar f'aktar swieq u segmenti bħat-turiżmu sportiv, kulturali u reliġjuż.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia qal li Infrastructure Malta se tkompli tikkollabora ma' numru ta' entitajiet u awtoritajiet biex twassal proġetti infrastrutturali fil-ħin, b'mod professjonali u li jpoġġu lin-nies fiċ-ċentru tagħhom.

 

“Dan il-proġett jixhed l-impenn tal-entita fejn f'lokalità li lejha tiġbed eluf ta' turisti u familji, u minn triq li kienet għal ħafna snin minsija hekk kif hija l-unika triq li twasslek minn u lejn il-vapur ta' Għawdex, se nwasslu proġett li mhux biss huwa estetikament isbaħ, iżda ħaseb ukoll għal numru ta' servizzi u faċilitajiet ġodda. Dan filwaqt li tejjibna l- konnettività minn u lejn il-Marfa, post frekwentat minn ħafna speċjalment tul ix-xhur tas-sajf," stqarr il-Ministru Farrugia. ​​