gov.mt

pr221562

PR221562

14/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Iffirmat ftehim li ser isaħħaħ l-edukazzjoni turistika bejn Malta u l-Iżvizzera

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Bella Vista Institute of Higher Education Switzerland (BVIS) li permezz tiegħu l-istess istituzzjoni Żvizzera ser toffri programmi ta' taħriġ li qiegħed joffri l-ITS li jinkludu korsijiet ta' Baċellerat u Masters fl-International Hospitality Management. 

 

Dawn il-korsijiet mistennija jibdew jiġu offruti fl-Iżvizzera mis-sena d-dieħla u ż-żewġ istituzzjonijiet rispettivi qegħdin f'diskussjonijiet avvanzati biex ikun hemm iżjed programmi edukattivi simili fis-snin li ġejjin.

 

Il-Bella Vista Institute of Higher Education Switzerland huwa ċentru internazzjonali assoċjat mal-akkademja tal-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO) f'isem l-Iżvizzera.

 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt l-iffirmar ta' dan il-ftehim mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech u tal-President tal-BVIS Istvan Ujhelyi.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li dan il-ftehim fih innifsu huwa xhieda tal-interess fil-livell għoli tal-programmi ta' studju li qiegħed joffri l-ITS mhux biss lokalment imma wkoll fuq skala internazzjonali.

 

“Dan il-ftehim jimxi id f'id mal-istrateġija tal-gvern li jagħmel mill-ITS ċentru ta' eċċellenza fil-Mediterran għall-istudji tal-ospitalità u t-turiżmu. L-internalizzazzjoni ta' dan l-istitut mhux biss se tinkludi l-ambizzjoni li studenti internazzjonali jiġu Malta biex jistudjaw lokalment, iżda wkoll li edukazzjoni offruta f'pajjiżna timxi fuq pjattaforma internazzjonali," irrimarka l-Ministru Bartolo.

 

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech u l-President tal-BVIS Istvan Ujhelji tennew l-impenn tagħhom li jressqu dawn l-istituzzjonijiet edukattivi iżjed viċin xulxin biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fl-edukazzjoni turistika bejn Malta u l-Iżvizzera. ​