gov.mt

pr221573

PR221573

15/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Estiż is-servizz tas-Silver-T għall-anzjani – Din is-sena, f’9 xhur saru aktar minn 8,000 vjaġġ


Il-Gvern ħabbar l-estensjoni tas-servizz tas-Silver-T sabiex minn dan ix-xahar ikopri lill-gżira Għawdxija u l-lokalità ta' Ħaż-Żabbar.

 

Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fejn irrimarka kif dan is-servizz qed jipprovdi faċilità ta' trasport b'xejn lill-anzjani li għandhom 'il fuq minn sittin sena u li jkunu jeħtieġu assistenza fil-qadi tagħhom ta' kuljum fl-istess lokalità, bħal f'każ li jkollhom bżonn imorru l-bank, is-suq, il-klinika, il-kunsill lokali u diversi postijiet oħra.

 

Il-Ministru Abela sostna kif mill-introduzzjoni tiegħu fl-2019, is-servizz tas-Silver-T ġie estiż fi tmintax-il lokalità. Dawn jinkludu: iż-Żurrieq, Ħal Safi, Gudja, Rabat (Malta), Baħrija, Mtarfa, Ħad-Dingli, Mosta, Burmarrad, Mġarr, Gżira, Msida, Ta' Xbiex, Tal-Pietà, Paola, Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija. Dan filwaqt li s-sena li għaddiet dan kompla jiġi estiż ġewwa x-Xemxija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba, in-Naxxar u l-Għarghur u f'Jannar ġie estiż ukoll fil-Mellieħa.

 

“Fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, permezz tas-servizz tas-Silver-T, saru 'l fuq minn 8,000 vjaġġ. Beħsiebna nkomplu ntejbu dan is-servizz favur kwalità ta' ħajja aħjar għall-anzjani tagħna," sostna l-Ministru Jo Etienne Abela.

 

Għaldaqstant, minn dan ix-xahar, dan is-servizz qed jiġi estiż għal gżira Għawdxija u Ħaż-Żabbar. Dan filwaqt li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda fil-proċess li testendi dan is-servizz fuq bażi nazzjonali permezz ta' tender.

 

Ġie spjegat li anzjani interessati li jagħmlu użu minn dan is-servizz għandhom jibbukkjaw sa mhux aktar tard minn jumejn qabel u mhux aktar kmieni minn tlett ijiem qabel il-bżonn tal-vjaġġ. Huma jistgħu jibbukkjaw billi jċemplu fuq 22788900 mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn is-07:00am u s-14:00pm. 

 

Għal aktar informazzjoni fuq dan is-servizz wieħed jista' jżur is-sit www.activeageing.gov.mt.

​