Aktar minn 85% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew imwettqa mis-Servizz Pubbliku. Din ir-rata ta' implimentazzjoni hi akbar mill-medja tal-aħħar 7 snin.
Ħabbar dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana waqt laqgħa li kellu mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara. Fiha ġiet imnedija l-pubblikazzjoni 'Governance Action', li tkopri r-risposta tal-amministrazzjoni pubblika għar-Rapport Annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2020 u rapporti oħra li l-NAO ħareġ fl-2021.
Is-Sur Sultana spjega li minn 45 audit li għamel l-NAO, inħarġu 537 rakkomandazzjoni, li minnhom is-Servizz Pubbliku aċċetta 527. Dawn wasslu għal 1,171 azzjoni, li minnhom twettqu 85.4%.
“Il-ħidma ta' din is-sena tindika wkoll żieda ta' 450 azzjoni fuq iċ-ċifri tas-sena li għaddiet. Dan ifisser illi l-mekkaniżmi u l-istrutturi interni li għandu s-Servizz Pubbliku qed jaħdmu, anzi qed itejbu r-riżultati tagħhom. B'hekk inkomplu nsaħħu l-kontabbiltà u nwettquha fil-prattika," temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Fi tmiem il-laqgħa, is-Sur Sultana ppreżenta l-ewwel kopja tal-pubblikazzjoni lill-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara.
Il-pubblikazzjoni 'Governance Action on NAO's Annual Report on Public Accounts 2020 & other NAO reports 2021' jinsab fuq is-sit tas-Servizz Pubbliku: https://publicservice.gov.mt/en/Documents/Governance_Action_on_the_NAO%e2%80%99s_Annual_Report_on_Public_Accounts_2020_and_other_NAO_reports_2021.pdf