gov.mt

pr221585

PR221585

17/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: L-ewwel klinika f’Malta tal-podjatrija għall-anzjani bid-dimensja u li jgħixu fil-komunità


Il-Gvern inawgura servizz ġdid ta' podjatrija għall-anzjani bid-dimensja u li jgħixu fil-komunità. Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, hekk kif ġie spjegat li din hija l-ewwel klinika f'pajjiżna li se tkun qed tipprovdi servizz ta' podjatrija lill-anzjani li għandhom 'il fuq minn 65 sena, li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja u li jgħixu fil-komunità.

 

Is-servizz se jkun qed jingħata fid-Dipartiment tal-Podjatrija fl-isptar San Vinċenz de Paul.

 

Il-Ministru Abela spjega kif din il-klinika hija fost waħda minn diversi kliniċi li jagħmlu parti mill-isptar tal-kura ġerjatrika, fil-kumpless Rużar Briffa. Il-klinika  għandha l-iskop li tnaqqas l-anzjeta u d-diżorjentazzjoni għall-anzjani li jagħmlu użu minnha. “Il-klinika hija attrezzata apposta biex dawn l-anzjani jħossuhom komdi u siguri waqt li jingħata t-trattament. Apparti minn hekk, il-klinika hija mgħammra b'apparat apposta biex il-professjonisti jkunu jistgħu jiċċekkjaw iċ-ċirkolazzjoni tas-saqajn tal-pazjent," spjega l-Ministru Abela.

  

Huwa kompla jispjega li dan is-servizz huwa fil-livelli mitlubin mill-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja, li tenfasizza l-bżonn li għandhom jiġu pprovduti servizzi ta' outreach għall-pazjenti u l-carers tagħhom. Fil-fatt, il-podjatri ta' San Vinċenz De Paul ingħataw taħriġ speċifiku biex ikollhom il-ħiliet u l-kapaċitajiet li se jgħinuhom jittrattaw persuni bid-dimensja b'mod aktar ħolistiku, bl-aħjar mod possibbli.

 

Il-Ministru Abela enfasizza wkoll dwar l-importanza ta' dawn it-tip ta' servizzi għal persuni bid-dimensja hekk kif il-kundizzjoni tagħhom teħtieġ li jkollhom disponibbli kura iktar immirata għall-bżonnijiet li jirrikjedu. Biex wieħed japplika għal dan is-servizz, ikollu bżonn riferta mingħand it-tabib personali tiegħu.​

​​