Iċ-Ċittadella rebħet il-Public Choice Award tar-Regiostars ta' din is-sena.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li qal li, “Dan huwa ta' unur għall-Għawdxin u għall-Maltin kollha. Permezz ta' dan il-premju, għal darba oħra, isem il-gżejjer tagħna kien f'kompetizzjoni tant prestiġjuża, hekk kif dan il-proġett ġie vvutat bħala l-aqwa wieħed fost 300 proġett tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Kommessi li nkomplu nieħdu ħsieb il-wirt storiku tagħna, li nżommu liċ-Ċittadella fl-aqwa stat possibbli u nħarsu 'l quddiem għal iżjed unuri bħal dawn".
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett esprima sodisfazzjon għall-fatt li dan huwa l-ewwel proġett b'fondi Ewropej li rebaħ ir-Regiostars Award.
“Il-proġett taċ-Ċittadella twettaq b'investiment ta' aktar minn €14-il miljun, li minnhom madwar €12-il miljun kienu mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Għaldaqstant, din hija aħbar pożittiva li tagħmilna aktar determinati li nkomplu nwettqu aktar proġetti b'fondi Ewropej, li jgawdu minnhom il-familji Maltin u Għawdxin."
Is-sena 2022 immarkat anniversarju speċjali għar-Regiostars għax ittellgħet il-15-il edizzjoni minn kemm ilha ssir il-kompetizzjoni sa mill-2008. Ir-Regiostars Awards hi kompetizzjoni prestiġjuża, organizzata mill-Unjoni Ewropea, bl-iskop li turi l-aħjar proġetti li saru f'diversi pajjiżi membri u tużahom bħala l-aqwa eżempji (best practices examples). B'differenza mis-snin l-imgħoddija, din is-sena għażlet 15-il proġett bħala finalisti, wieħed għal kull sena li ilha torganizza din il-kompetizzjoni.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lit-tim li ħadem qatigħ għal dan ir-riżultat u lil kull min ikkontribwixxa sabiex b'mod kollettiv inkiseb dan is-suċċess għal Għawdex u għal Malta.