PR221617

23/11/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA ‘Report by the Auditor General on the Workings of Local Government 2021’

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, illum ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, ir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fuq il-ħidma tal-Gvern Lokali matul is-sena 2021. 

 

Għal darb'oħra, minbarra l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, madwar 30% biss tal-Kunsilli ppreżentaw l-audited financial statements tagħhom sad-deadline stabbilit tal-aħħar ta' Ġunju 2022. Sa nofs Novembru, jiġifieri meta dan ir-rapport kien lest għall-pubblikazzjoni, sittax-il Kunsill Lokali, li huma l-Birgu, Birkirkara, il-Fgura, il-Furjana, il-Gżira, il-Ħamrun, Kerċem, Ħal Luqa, il-Mosta, il-Qala, Ħal Qormi, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, il-Belt Valletta u l-Kunsill Reġjonali ta' Għawdex, baqgħu ma ppreżentawx l-audited financial statements tagħhom lil dan l-Uffiċċju. Il-kumplament issottomettewhom sa meta dan ir-rapport ġie finalizzat. F'dan il-kuntest, l-Awditur Ġenerali jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex, b'mod l-aktar urġenti, jindirizzaw din is-sitwazzjoni li dejjem qed tmur għall-agħar.

 

Min-naħa l-oħra, l-NAO nnota b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi min-naħa tal-amministrazzjoni biex tassigura li l-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex jingħataw is-sapport neċessarju biex jilħqu l-miri tagħhom. Dawn wasslu għal progress konsiderevoli f'ċerti Kunsilli. Minkejja dan, l-Uffiċċju rrimarka li mhux kull Kunsill ta l-impenn kollu tiegħu u kkollabora bl-aħjar mod mall-Awdituri tal-Gvern Lokali waqt il-proċess ta' awditjar. Ħafna drabi, dan wassal f'dewmien sostanzjali biex jiġi ffinalizzat l-awditjar rispettiv.

 

Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi wkoll li għad hemm lok għal titjib f'ċerti oqsma speċifiċi, minħabba l-fatt li xi nuqqasijiet ġew irrappurtati repetutament f'dawn l-aħħar snin. Dawn jinkludu monitoraġġ tal-assi fissi mhux adegwat u kotba tal-kontabilità mhux dejjem aġġornati kif suppost.

 

Ta' tħassib huwa wkoll il-fatt li:

 

  • l-Audit Reports ta' sitta u tletin (36) Awtoritajiet Lokali oħra ġew kwalifikati minħabba li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti kif meħtieġa;

 

  • disa' (9) Awtoritajiet Lokali ma ssottomettewx ir-risposta tagħhom għall-Management Letter sa nofs Novembru 2022, id-data li ġie ffinalizzat dan ir-Rapport;

 

  • nuqqas ta' ppjanar finanzjarju effettiv, b'riżultat li fondi pubbliċi ma ġewx utilizzati b'mod effiċjenti u ekonomiku, b'konsegwenza ta' nfiq jew tfaddil eċċessiv, liema estremi jħallu impatt negattiv fuq l-operat tal-Kunsill.

 

Ir-Rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – www.nao.gov.mt kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.​