gov.mt

pr221635

PR221635

25/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU It-timijiet tal-futbol ta’ Inter u Red Bull Salzburg f’Malta bejn l-4 u d-9 ta’ Diċembru

Il-klabb Taljan ta' fama mondjali Inter u ċ-champions tal-Awstrija Red Bull Salzburg ser jilgħabu partiti ta' ħbiberija bil-parteċipazzjoni wkoll tal-klabb mill-Premier League Malti Gżira United bejn l-4 u d-9 ta' Diċembru 2022.

 

Nhar il-5 ta' Diċembru fis-18:00 Inter ser jilgħabu kontra Gżira United filwaqt li fis-7 ta' Diċembru fis-18:00 Inter ser jilgħabu kontra Red Bull Salzburg. Dawn il-logħbiet ser jintlagħbu fit-Tony Bezzina Stadium.

 

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Carlo Micallef u Helmut Amhof f'isem l-organizzaturi ta' dawn l-avvenimenti.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li dan it-turnew huwa opportunità oħra biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-potenzjal tiegħu fin-niċċa tat-turiżmu sportiv. “Nafu lkoll li l-futbol għandu potenzjal enormi li jilħaq miljuni kbar ta' nies u għalhekk qegħdin naspiraw li permezz ta' dan it-turnew u ħafna inizjattivi simili fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin permezz ta' VisitMalta, inkomplu nsaħħu r-reputazzjoni tagħna bħala pajjiż ospitabbli għad-dinja tal-futbol," kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

 

Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef semma kif avveniment bħal dan, fejn għandek żewġ timijiet ta' statura internazzjonali li jagħżlu li jżuru lil pajjiżna għall-fini ta' taħriġ, huwa opportunità oħra sabiex l-MTA jagħtu viżibilità' lill-brand ta' VisitMalta madwar l-Ewropa u lil'hinn, hekk kif ser ikun hawn fostna preżenza ta' organizzazzjonijiet tal-midja Taljani u Awstrijaċi b'telespettaturi minn madwar id-dinja.

 

Helmut Amhof qal li “dan it-turnew jimxi id f'id mal-ambizzjoni tal-organizzaturi li l-Gżejjer Maltin isiru l-għażla naturali għal timijiet tal-futbol li jridu jagħmlu training camps jew logħob ta' ħbiberija propju hawn Malta".

 

​