gov.mt

pr221637

PR221637

25/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-kantanta internazzjonali Inna se tkun il-mistiedna speċjali għal spettaklu lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-belt Victoria

Jitħabbar ukoll il-programm “Milied f'Għawdex" – aktar minn xahar ta' attivitajiet għall-familja kollha

 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar il-programm “Milied f'Għawdex" ta' din is-sena kif ukoll il-mistiedna speċjali għall-attività ta' lejlet l-ewwel tas-sena fil-gżira Għawdxija. Fil-fatt, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Jannar f'Għawdex se jittella' programm b'għadd ta' avvenimenti għall-familja kollha. Is-Sibt 26 ta' Novembru se jingħata bidu għall-festeġġjamenti tal-Milied b'kunċert b'xejn fit-Teatru Astra, il-Belt Victoria. Il-qofol jintlaħaq lejlet l-ewwel tas-sena bi spettaklu mill-aqwa fil-Belt Victoria bil-parteċipazzjoni ta' diversi kantanti lokali u tal-mistiedna internazzjonali Inna magħrufa fost l-oħrajn għall-kanzunetti “Sun is Up" u “Amazing".

 

Il-Ministru Camilleri qal li “bħalma nagħmlu matul is-sena kollha, u iktar u iktar b'mod speċjali fi żmien il-Milied, ħsibna għal programm b'attivitajiet u b'attrazzjonijiet f'diversi rħula madwar il-gżira li żgur se jolqtu l-gosti ta' kulħadd u għalhekk jattiraw iżjed nies lejn Għawdex. Proprju hawnhekk f'Villa Rundle, għal bosta jiem matul Diċembru, se jkun hawn Christmas Market u anki se tittella' 'Dinja tat-Tfal'. Bħala Ministeru nagħtu l-appoġġ tagħna sabiex it-tradizzjonijiet tal-Milied mhux biss jissaħħu iżda jitjiebu fil-kwalità u jkomplu jiġu apprezzati mill-Għawdxin u mill-eluf li jżuru Għawdex matul il-jiem tal-Milied. Fil-fatt, din is-sena se jerġa' jsir ukoll il-presepju ħaj tant popolari mal-Għawdxin u mal-viżitaturi – Betlehem f'Għajnsielem."

 

Huwa fakkar kif mijiet ta' dilettanti u voluntiera jaħdmu bla heda sabiex Għawdex jilbes il-libsa tal-Milied, biex b'hekk ir-residenti u dawk kollu li jżuru l-gżira jidħlu fl-ispirtu qaddis tal-Milied. Dawn flimkien mad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru li jaħdem qatigħ sabiex ta' kull sena jwassal programm varjat ta' avvenimenti li jinkludi attivitajiet popolari fosthom il-Parata tal-Milied fi Triq ir-Repubblika, Victoria; Milied fl-Għejun (walkthrough experience), il-Fontana; Christmas Magic – Għar Ilma, Santa Luċija; kunċerti u diversi presepji tradizzjonali Għawdxin.

 

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi radd ħajr lill-organizzaturi, lill-voluntiera u lill-impjegati taċ-ċivil għall-ħidma tagħhom sabiex l-edizzjoni tal-“Milied f'Għawdex" tkun suċċess u sabiex t-toroq u l-pjazez madwar il-gżira jiżżejnu għal dawn il-festi tal-Milied.

 

Għal aktar tagħrif u aġġornamenti dwar l-attivitajiet u l-avvenimenti kollha li se jittellgħu f'Għawdex wieħed jista' jżur il-paġna ta' Facebook Christmas in Gozo, kif ukoll: https://issuu.com/visitgozo/docs/christmas_in_gozo?fbclid=IwAR0GlQRNWfK9kBtmywBiXiY57oTvlbXLBaiooqXCWV8cgLXYkRDeSely1oU

​