gov.mt

pr221639

PR221639

26/11/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Il-ministru għall-ġustizzja ta’ Malta maħtur fi Grupp ta’ Azzjoni tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Commonwealth

Il-Ministru għall-Ġustizzja Dr Jonathan Attard ipparteċipa fil-laqgħa biennali tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Commonwealth, bit-tema 'It-tisħiħ tal-koperazzjoni internazzjonali permezz tas-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem'.

 

F'din il-laqgħa kien hemm qbil dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Azzjoni tal-Ministri tal-Ġustizzja, kompost minn għaxar ministri li ngħataw il-mandat biex jipprovdu gwida u pariri lis-segretarju ġenerali tal-Commonwealth fuq strateġiji li jwasslu għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja fost is-56 pajjiż membru fil-Commonwealth. Il-parteċipazzjoni attiva ta' pajjiżna f'din il-laqgħa tal-ministri wasslet biex Malta ġiet maħtura f'dan l-ewwel grupp ta' azzjoni, flimkien mal-Ġamajka, il-Malażja, it-Tanżanija, in-Namibja, il-Mawrizju, is-Samoa, il-Bangladexx, St Kitts u Nevis u r-Rwanda (ex officio). Mill-pajjiżi Ewropej, Malta se tkun qed isservi f'dan il-grupp għal sena, segwita mir-Renju Unit għal sena oħra.

 

Il-Ministru Attard qal li huwa ta' unur għalina bħala pajjiż li flimkien ma' disa' pajjiżi oħra membri fil-Commonwealth li ġejna maħtura minn fost 56 pajjiż biex inservu fuq il-Grupp ta' Azzjoni tal-Ministri tal-Ġustizzja. Dan huwa żvilupp importanti li jkompli jikkonferma r-reputazzjoni b'saħħitha li jgawdi pajjiżna fil-fora internazzjonali, inkluż fis-settur tal-ġustizzja. “Inħares 'il quddiem biex bħala pajjiż inkomplu nikkontribwixxu bl-esperjenzi tagħna fil-Commonwealth filwaqt li nkomplu naġġornaw ruħna b'esperjenzi u bi prattiċi tajbin adottati f'pajjiżi oħrajn", saħaq il-Ministru Attard.

 

Fil-laqgħat tal-ministri tal-Commonwealth kienu trattati diversi temi inklużi dawk relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-qrati, il-libertà tal-espressjoni u l-irwol tal-midja u d-diversità fil-ħatriet tal-ġudikatura. Dawn l-istess temi flimkien ma' oħrajn relatati mal-liġi kriminali kienu wkoll diskussi fuq livell tekniku bejn l-avukati ġenerali tal-pajjiżi tal-Commonwealth, b'Malta tkun rappreżentanta f'dawn il-laqgħat mill-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg.​​