Tnieda għall-konsultazzjoni pubblika l-“Pjan Strateġiku Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (Malta's National Strategic Plan for Further and Higher Education) immirat għall-perjodu ta' tmien snin: 2022 – 2030.
Din l-istrateġija hija l-viżjoni tal-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għat-tkomplija tat-tiġdid tas-settur edukattiv.
Waqt it-tnedija tad-dokument, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal: “Illum nedejna konsultazzjoni pubblika għal dak li huwa Pjan Strateġiku għall-Awtorità għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla f'pajjiżna għat-tmien snin li ġejjin. Irridu naraw li nibqgħu nagħtu r-riżorsi lill-awtorità li permezz tagħha nassiguraw li nattiraw dejjem aktar istituzzjonijiet edukattivi lejn pajjiżna. Qed inkomplu naħdmu biex pajjiżna jkun magħruf għall-edukazzjoni ta' kwalità li tassigura li s-sistema edukattiva ta' Malta tkun ta' livell għoli u tkun dejjem waħda li tirrifletti l-iżviluppi fuq livell dinji."
Il-gvern huwa kommess li jkompli jaħdem biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd, għaliex irid jiżgura u jsostni komunità edukattiva b'saħħitha u ta' kwalità għolja biex jinkiseb żvilupp kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak globali. Din l-istrateġija tpoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru u tiffoka fuq sistema robusta ta' assigurazzjoni tal-kwalità u trasparenza.
Li jkollok edukazzjoni aktar ekwa u ogħla tiżgura li kulħadd, irrispettivament mill-fatturi soċjo-ekonomiċi, jkollu opportunità ugwali għall-edukazzjoni li twasslu biex jirnexxi kemm personalment u wkoll fuq livell nazzjonali. Edukazzjoni Avvanzata u ta' Kwalità Ogħla sservi biex tkompli tagħmel lis-soċjetà moderna tagħna aktar rikka b'diversi modi.
L-istrateġija tfasslet ukoll bl-isfond li pajjiżna jeħtieġ network ta' provdituri ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja li lesti jaġixxu bħala faċilitaturi għall-bidla, biex jirrispondu għall-isfidi filwaqt li jikkontribwixxu għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-eċċellenza. L-istrateġija tirrikonoxxi r-rwol ċentrali li għandhom l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla fit-triq lejn tkabbir sostenibbli, u l-ħolqien ta' pajjiż aktar kompetittiv.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MFHEA Rose Anne Cuschieri qalet: “Din hija strateġija li taħdem lejn ekosistema ta' għarfien dinamiku u reżiljenti sal-2030. Strateġija ibbażata fuq edukazzjoni avvanzata, ogħla, innovattiva, inklużiva u mmexxija mill-kwalità li tispira lill-individwi matul l-esperjenza edukattiva u tal-ħajja tagħhom, biex jiżviluppaw ħiliet relevanti, li jippermettulhom jikkontribwixxu bħala membri attivi tal-komunità u ċittadini, lejn ekonomija ġusta, diġitali u ekoloġika."