gov.mt

pr221714

PR221714

09/12/2022

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa' mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides fil-marġini tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għas-Saħħa. Matul din il-laqgħa kienet diskussa kif se jkun assigurat aċċess kontinwu għall-mediċini madwar l-Unjoni Ewopea, irrispettivament mid-daqs tas-suq.

 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li l-ostakli eżistenti li qed ifixxklu l-aċċess għall-mediċini f'ċertu Membri Stati tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu indirizzati mingħajr dewmien, inkluż dawk l-ostakli kkawżati minħabba l-lingwi differenti fl-Unjoni Ewropea. 

 

Matul il-Kunsill għas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tkellem dwar l-importanza tal-akkwist konġunt tal-vaċċin tal-Covid-19, li permezz tiegħu kienu salvati eluf ta' persuni. Chris Fearne qal li bħala ministri għas-saħħa, il-prijorità għandha tkun li ċ-ċittadini tagħna jkollhom l-aqwa kura. Għalhekk huwa importanti li tkun esplorata l-possibilità li l-akkwist konġunt ikun imwessa' biex jinkludu mediċini tal-kanċer u dawk ta' mard rari. 

 

Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-estensjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni tar-Regolament għall-Apparat Mediku. Hawnhekk id-deputat prim ministru saħaq li din l-estensjoni trid tkun komuni għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.​​