gov.mt

pr221739

PR221739

14/12/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi l-fond ‘Creative Malta’ għall-industrija tal-films lokali



Il-Kummissjoni Maltija għall-Films nediet fond għall-industrija tal-films lokali bl-isem ta’ ‘Creative Malta’. 

Dan il-fond, li fl-ewwel fażi tiegħu ser jammonta għal €600,000, ser ikun pjattaforma ewlenija li permezz tiegħu produtturi lokali jistgħu japplikaw biex l-istejjer tagħhom isiru realtà. 

Prinċipalment, Creative Malta ser jinkorpora sistema ta’ sejħa pubblika li għandha twassal għal iżjed effiċjenza fir-rikjesti li tagħmel l-industrija minn żmien għal żmien, skemi li huma iżjed diretti għall-produtturi tal-films kif ukoll is-simplifikar fil-proċedura ta’ applikazzjoni permezz ta’ sistema ġdida li tippermetti anqas dokumentazzjoni fi stadju bikri ta’ meta produttur japplika għall-fondi.

B’mod sinifikattiv, għall-ewwel darba ser jitneħħew ir-restrizzjonijiet ta’ de minimis kif ukoll l-obbligazzjonijiet ta’ recoupment għall-produtturi lokali. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li t-tibdil li sar fil-fond ta’ allokazzjoni għall-industrija lokali huwa pass importanti li permezz tiegħu l-industrija tal-films lokali tagħmel il-qabża li jmiss fil-kreattività u fil-kwalità tal-produzzjoni rispettiva. “Smajna lill-industrija u ħadna d-deċiżjonijiet neċessarji biex il-produttur Malti jaħseb iżjed b’mod internazzjonali. Din għandha tkun il-mentalità li għandhom iħaddnu l-produtturi Maltin biex il-flus li qed jinvesti l-gvern fihom jissarrfu f’suċċess f’Malta u lil hinn”, saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech irrimarka, “Qed nagħtu s-sapport lil dawk li joħolmu li jkunu parti minn Malta kreattiva fuq livell nazzjonali u internazzjonali, li jaspiraw li jkunu l-film makers tagħna ta’ għada u jagħmlu isem mondjali. Inħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jidħlu f’din l-industrija, speċjalment liż-żgħażagħ tagħna, biex japplikaw għall-iskemi ta’ Creative Malta ħalli jagħmlu pass ieħor fil-karriera professjonali tagħhom. Qed inkomplu niftħu l-bibien tal-opportunità biex flimkien nimxu dan il-vjaġġ ambizzjuż, li noħolqu ‘a world-class industry’ f’Malta.”