gov.mt

pr221791

PR221791

23/12/2022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU: It-tim tan-nisa ta’ Manchester United f’Malta fl-ewwel jiem ta’ Jannar


It-tim tal-futbol tan-nisa ta’ Manchester United ser ikun qiegħed iżur Malta għal training camp bejn it-3 u t-8 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
 
Bħala parti minn dan il-programm ta’ taħriġ, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar Manchester United ser jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra t-tim lokali ta’ Birkirkara, fit-Tony Bezzina Stadium.
 
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.
 
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-wasla tat-tim tan-nisa ta’ Manchester United f’Malta hija impenn ċar li l-ftehim li jeżisti bejn VisitMalta u Manchester United qed iwassal biex igawdi l-pubbliku sportiv b’mod ġenerali. “Is-suċċess li qegħdin niksbu fit-turiżmu rridu nrodduh lura b’entużjażmu fost il-poplu Malti u Għawdxi billi nkomplu nattiraw uħud mill-aqwa ismijiet fid-dinja sportiva għal training camps lejn Malta,” kompla jgħid Clayton Bartolo.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li l-ħidma sabiex nagħtu viżibilità internazzjonali lil pajjiżna u l-brand VisitMalta huwa aspett li għaddejja ħidma fuqu kontinwament. “Permezz tat-training camp ta’ Manchester United Women, ser inkomplu naħdmu sabiex pajjiżna jistabbilixxi ruħu bħala destinazzjoni ideali għal kull forma ta’ turiżmu sportiv, dan filwaqt li pajjiżna u s-sbuħija tiegħu jaslu fid-djar tal-mijiet ta’ eluf ta’ ammiraturi ta’ Manchester United,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef.

​​​​