Il-Ministeru għas-Saħħa flimkien mal-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers iffirmaw ftehim settorali ġdid għall-Allied Assistants impjegati mas-settur pubbliku.
Il-ftehim li ġie iffirmat assigura, fost oħrajn, titjib fl-avvanz fil-karriera tal-impjegati kurrenti u dawk prospettivi, iktar opportunitajiet sabiex l-Allied Assistants ikomplu bl-istudji tagħhom, anka permezz ta' kors ġdid f'livell ta' MQF Level 5, sabiex javvanzaw b'mod iżjed spedit fil-karriera tagħhom u kif ukoll żieda fl-allowances.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għas-Saħħa Joseph Chetcuti u t-Tabib Ewlieni tal-Gvern Walter Busuttil f'isem il-Ministeru għas-Saħħa u Josef Vella u Annalise Casha f'isem il-UĦM.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li ppreseda dan l-iffirmar, irringrazzja liż-żewġ partijiet tal-kollaborazzjoni li wasslet għal dan il-ftehim filwaqt li faħħar l-opportunitajiet ta' taħriġ kontinwu msemmija f'dan il-ftehim settorali, bħal oħrajn li ġew iffirmati matul din is-sena. Huwa awgura l-ħidma t-tajba lill-Allied Assistants kollha.