Il-vaċċinazzjoni, bla ħlas, kontra l-Human Papilloma Virus (HPV), li s’issa kienet tingħata lit-tfajliet kollha meta jagħlqu 12-il sena, ġiet estiża wkoll għas-subien tal-istess età, ħabbar id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li spjega lil-evidenza xjentifika turi li dan il-vaċċin, minbarra li jipprevjeni l-kanċer fl-għonq tal-utru, jipprevjeni wkoll tipi oħra ta’ kanċer ikkawżati mit-tixrid tal-virus tal-HPV fil-komunità.
Huwa spjega li minn din is-sena, kemm is-subien kif ukoll il-bniet se jirċievu stedina personalizzata fix-xahar ta’ għeluq it-12-il sena tagħhom b’appuntament għall-ewwel tilqima, filwaqt li t-tieni doża tittieħed sitt xhur wara. Id-deputat prim ministru qal li l-awtoritajiet tas-saħħa se joffru dan il-vaċċin ukoll, bla ħlas, lis-subien kollha li twieldu mis-sena 2000 ’l hawn, u li dawn se jirċievu appuntament għat-tilqima gradwalment. Huwa spjega li fil-każ tas-subien li diġà għalqu l-15-il sena, ikun hemm bżonn tat-tielet doża, li se tkun offruta mill-gvern ukoll bla ħlas.
Id-deputat prim ministru fakkar li din il-miżura hija wegħda elettorali oħra mwettqa u li se tiffranka lill-ġenituri mal-€190 għal kull doża. Fisser li kemm ilha tiġi offruta din it-tilqima lit-tfajliet, madwar 90% aċċettaw l-istedina u b’hekk tlaqqmu mal-20,000 tfajla kontra dan il-virus.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat prim ministru ħabbar li l-vaċċin kontra l-COVID-19 ġie awtorizzat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għat-tfal ta’ bejn is-6 xhur u l-ħames snin. Dan filwaqt li ġiet approvata wkoll il-booster tal-Omicron għat-tfal ikbar fl-età li kienu diġà rċevew l-ewwel żewġ dożi tal-vaċċin. Għaldaqstant huwa ħeġġeġ lill-ġenituri li jixtiequ jlaqqmu lil uliedhom sabiex iżuru ċ-ċentri tas-saħħa tal-Furjana nhar ta’ Ħamis, tal-Mosta nhar ta’ Tlieta, ta’ Raħal Ġdid nhar ta’ Erbgħa, u tax-Xewkija Għawdex nhar ta’ Erbgħa bejn is-2:30pm u s-6:30pm sabiex jirċievu din it-tilqima. Huwa fakkar ukoll li t-tilqim tal-booster tal-Omicron u tal-Influenza għadhom miftuħin għall-adulti wkoll u għalhekk appella lil min għadu ma tlaqqamx sabiex jagħmel dan mill-iktar fiss.
Id-deputat prim ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ skarsezza ta’ mediċini li qed tkun irrappurtata madwar id-dinja, fejn serraħ ras il-pazjenti li s-sitwazzjoni tal-mediċini tal-POYC hija taħt kontroll grazzi għal sensiela ta’ miżuri proattivi li ttieħdu mill-awtoritajiet għas-saħħa fix-xhur li għaddew. Qal li huwa konxju tad-diffikultajiet li qed isibu importaturi li jissupplixxu lis-settur privat u tenna li l-awtoritajiet għas-saħħa qegħdin jassistu lil dan is-settur ukoll.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci appellat lill-ġenituri sabiex jilqgħu l-istediniet tal-awtoritajiet għas-saħħa u jipproteġu lil uliedhom minn viruses li jafu jimpattaw saħħet uliedhom fil-futur. Hija saħqet li t-tilqima tal-HPV li qed tkun offruta lill-adoloxxenti Maltin hija waħda mill-aqwa li hemm fis-suq għaliex tipproteġi lill-adoloxxenti minn 9 tipi ta’ viruses tal-HPV.