Ġie rrestawrat il-mużew parrokkjali tal-Knisja Arċipretali Maria Bambina tan-Naxxar bil-għan li dan l-istess spazju kulturali u reliġjuż iservi ta' attrazzjoni turistika għal kull min iżur din il-lokalità.
Minkejja li dan il-mużew ilu mwaqqaf sa mill-1994 qatt ma kien jopera għall-pubbliku ta' kuljum. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu impenjat ruħha li tassisti l-Għaqda Kulturali Wirt Naxxari sabiex il-binja msemmija tiġi restawrata u tkun iżjed aċċessibbli kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti matul is-sena kollha.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia fil-preżenza ta' rappreżentanti tal-Għaqda Kulturali Wirt Naxxari.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-istorja ta' Malta fil-kultura u r-reliġjon tipposjedi potenzjal kbir fejn tidħol in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż. “Qegħdin ninnutaw li jeżistu miljuni kbar ta' turisti speċjalment mis-suq Amerikan li jsiefru lejn il-kontinent Ewropew fuq vjaġġ spiritwali. Għalhekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tinvesti iżjed f'din in-niċċa turistika biex pajjiżna jgawdi minn turiżmu iżjed iddiversifikat u ta' kwalità," kompla jgħid il-Ministru Bartolo.
Huwa żied jgħid li l-istorja kulturali tal-lokalitajiet u l-knejjes tagħna m'għandhiex tibqa' magħluqa imma tinfetaħ sabiex minnha jgawdu l-Maltin iżda fuq kollox it-turisti li jkollhom iżjed attrazzjonijiet x'jaraw meta jżuru l-Gżejjer Maltin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Gavin Gulia sostna li l-fatt li dan il-mużew se jkun miftuħ għat-turisti u anke għall-Maltin u l-Għawdxin ifisser ukoll li qegħdin ikomplu jsaħħu l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-awtorità għas-settur turistiku, b'mod speċjali dak li għandu x'jaqsam mas-sostenibbiltà tas-settur.
“It-turisti se jkollhom l-opportunità li jesploraw bliet u rħula lokali lil hinn miż-żoni turistiċi ewlenin, fejn jkunu jistgħu wkoll jesperjenzaw il-ħajja tipika li kienu jgħixu diversi villaġġi Maltin u Għawdxin," temm jgħid is-Sur Gavin Gulia.