Fl-2022, l-industrija tal-films f'Malta ħalliet €85 miljun fl-ekonomija Maltija. Dan l-effett ekonomiku tas-sena preċedenti huwa l-akbar wieħed f'dawn l-aħħar għaxar snin. Dawn ir-riżultati pożittivi ssarfu minn ġbid ta' 24 produzzjoni li kienu jinvolvu feature films, tv series u reality shows ġejjin mill-Amerka, ir-Renju Unit, l-Italja, Franza, l-Iżvezja, l-Awstrija, in-Norveġja, il-Ġermanja kif ukoll l-Eġittu.
Din is-sena, l-impenn tal-gvern, flimkien mal-Kummissjoni Maltija għall-Films, ser jikber tant li ser jiġi rfinat ir-reklamar li diġà qiegħda tagħmel l-istess Kummissjoni permezz tal-introduzzjoni ta' Screen Malta. Screen Malta ser ikun mezz ieħor ta' marketing li ser tkun qiegħda tagħmel il-Kummissjoni Maltija għall-Films meta tkun qiegħda tirreklama lil pajjiżna fid-dinja tal-films.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kummissarju għall-Films Johann Grech.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li ċ-ċifri msemmija joħorġu fid-deher il-potenzjal li għanda l-industrija tal-films. “Tabilħaqq, l-industrija tal-films kienet vaċċin ekonomiku li saħħet l-immunita ta' pajjiżna f'perjodu li fih kien qiegħed jirkupra mill-effetti u sfidi li ġabet magħha l-pandemija," kompla jgħid il-Ministru Bartolo. Huwa wkoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal mod kif minn settur staġjonali llum qegħdin inwittu t-triq għal industrija tal-films li tkun mibnija fuq is-sostenibilità u karrieri ġodda.
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech kompla jgħid kif ix-xogħol tal-Kummissjoni qed jissarraf f'riżultati u se jkompli jwassal għal aktar suċċessi fil-kundizzjonijiet u l-pagi tal-crew lokali. “Il-pjan tagħna qed jaħdem u nafu fejn irridu naslu u fi żmien li ġej karrieri fil-films se jkun hawn. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kummissjoni Maltija għall-Films qed ninvestu bil-kbir fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk kollha li jixtiequ jkunu parti minn din l-industrija kif ukoll qed inkomplu inħarġu lil dawk li diġà jaħdmu fiha," ikkonkluda l-Kummissarju għall-Films.