gov.mt

pr230116

PR230116

25/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg b’numru ta’ laqgħat bilaterali fl-Italja




Waqt li kien qiegħed f’Ruma, l-Italja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kompla bis-sensiela ta’ laqgħat bilaterali li qed jagħmel barra mill-pajjiż sabiex pajjiżna ikompli jispjega l-prijoritajiet ta’ ħidma tiegħu.

Il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej, il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Italja Raffaele Fitto. Matul din il-laqgħa ġew diskussi r-relazzjonijiet b’saħħithom li għandu pajjiżna mal-Italja li jmorru lura għall-1964. Iż-żewġ ministri ddiskutew il-possibbiltà ta’ aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, anke fuq bażi Ewropea, b’mod partikolari fejn jidħlu l-isfidi u l-opportunitajiet li r-reġjun tal-Mediterran qiegħed jaffaċċja minn żmien għall-ieħor. Suġġett ta’ prijorità fuq l-aġenda tad-diskussjoni kien dak tal-immigrazzjoni.

Matul laqgħa oħra, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iltaqa’ mal-Kummissjoni Parlamentari Taljana għall-Affarijiet Barranin u Komunitarji mmexxija minn Giulio Tremonti u l-Membri Parlamentari Paolo Formentini u Andrea Orsini. Hanwhekk komplew jiġu diskussi t-temi tar-reġjun Mediterranju u l-importanza tal-istabiltà. Kienu diskussi wkoll numru ta’ temi oħra ta’ ġrajjiet kurrenti.

Fl-aħħar laqgħa, Ian Borg iltaqa’ mal-Ministru għall-Intrapriża tal-Italja Adolfo Urso biex jiddiskutu r-relazzjoni kummerċjali. “Minkejja li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi huma fost l-aqwa, xorta għandna l-għan li nkomplu ntejjbuhom.”, sostna l-Ministru Borg. Iż-żewġ ministri qablu dwar il-bżonn ta’ kooperazzjoni li minnha jibbenefikaw iż-żewġ popli.