gov.mt

pr230122

PR230122

25/01/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Għaddejjin b’ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq ir-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Mellieħa



Għaddejjin b’ritmu tajjeb ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq ir-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Mellieħa. Dan il-proġett, b’investiment ta’ €2 miljun, huwa ffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta. 

Preżentament, qegħdin isiru xogħlijiet fuq servizzi tal-ilma u dranaġġ ġdid mal-madwar. Filwaqt li fix-xhur li ġejjin mistennija jiġu ffinalizzati interventi marbutin ma’ culverts ġodda għas-servizzi tad-dawl. 

Wara dawn ix-xogħlijiet il-proġett jibda jersaq lejn il-fażi finali tiegħu meta jibda jitpoġġa l-pavimentar ġdid tal-istess pjazza. 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara li saret f’din iż-żona mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta. 

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-proġett huwa dikjarazzjoni ċara li l-gvern permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħed isaħħaħ l-impenn tiegħu li jkompli jtejjeb il-prodott turistiku lokali. “It-titjib fl-infrastruttura turistika huwa prijorità biex Malta tkompli ssaħħaħ il-profil tagħha fid-dinja turistika. Il-fatt li jkollok ċentri ta’ lokalitajiet turistiċi tradizzjonali b’dehra isbaħ minn qabel ikompli jtejjeb l-esperjenza ħolistika tat-turisti li jiġu jżuru l-Gżejjer Maltin matul is-sena kollha,” saħaq il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-ħidma ta’  Infrastructure Malta f’din iż-żona hija eżempju prattiku ta’ dak li jridu jfissru bil-frażi “infrastruttura għan-nies”. “Proġett li jagħti prijorità lil dawk li jiffrekwentaw din iż-żona ta’ kuljum bil-mixi, kemm jekk residenti jew turisti. Għalina huwa importanti wkoll li mhux biss inżidu l-aċċessibilità iżda li nħaddru din iż-żona fil-qalba tal-komunità Melliħija filwaqt li naċċertaw li l-materjal li qed nużaw biex nagħmlu x-xogħol bih ikun wieħed li jirrispetta l-wirt storiku ta’ din il-pjazza,” stqarr il-Ministru Farrugia.