Produzzjonijiet lokali bdew jibbenefikaw mit-tibdil li sar fl-inċentivi fiskali għall-industrija awdjoviżwali. Dan ifisser li produtturi Maltin huma eliġibbli li jibbenefikaw mill-cash rebate ta' 40% tal-ispejjeż eliġibbli li jinvolvu l-produzzjonijiet rispettivi tagħhom.
Din l-informazzjoni ħarġet waqt żjara li għamlu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kummissarju għall-Films Johann Grech fuq is-sett ta' Malta's Got Talent.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif l-industrija tal-films f'Malta qiegħda tkompli tikber u tissaħħaħ. “Qegħdin niftħu l-bieb tal-opportunitajiet għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu l-istejjer tagħhom realtà. Apparti l-aspett tal-inċentivi fiskali, ir-riżors uman tagħna huwa wkoll importanti għall-industrija li trid tkun mibnija fuq il-karrieri u sostenibbiltà."
Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu wkoll għal fatt li minn 97 persuna li qegħdin jaħdmu fuq din il-produzzjoni, 80 minnhom huma Maltin.
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech sostna kif Malta's Got Talent hija eżempju ta' produzzjoni lokali li qegħda tibbenefika mit-tibdil fil-programm tal-inċentivi fiskali ta' 40% ta' cash rebate li toffri l-Kummissjoni Maltija għall-Films. “Ħadna dawn id-deċiżjonijiet għaliex irridu nkomplu nsaħħu lill-industrija lokali. Irridu nkomplu ninċentivaw in-nies tagħna biex verament Malta jkollha industrija tal-films li tkun world-class għas-snin li ġejjin", temm jgħid is-Sur Grech.