gov.mt

pr230204

PR230204

08/02/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Servizz Pubbliku bl-ogħla rata ta’ każijiet tal-Ombudsman li ġew magħluqa

Minn 318 ilment li s-Servizz Pubbliku rċieva mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-2021, aktar minn 85% ġew ikkunsidrati magħluqa b'suċċess mill-Ombudsman jew mill-kummissarji fi ħdanu sal-aħħar ta' Ottubru 2022.

 

Din hija l-ogħla rata ta' każijiet magħluqa minn din l-istituzzjoni minn mindu s-Servizz Pubbliku ilu jħaddem dan l-eżerċizzju fl-aħħar snin.

 

Il-bqija tal-każijiet kienu pendenti għand l-Ombudsman (8.8%), għand il-ministeri (3.5%), jew riferuti lill-Prim Ministru (2.2%).

 

Fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet magħluqa (93%), l-investigazzjonijiet ingħalqu mill-Ombudsman mingħajr ma ngħatat rakkomandazzjoni. Din l-istatistika turi li s-Servizz Pubbliku jew kien aġixxa b'mod korrett jew indirizza l-ilment hekk kif irċieva l-każ mingħand l-Ombudsman u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li l-investigazzjoni titkompla.

 

Dan ħareġ minn pubblikazzjoni ġdida li nieda s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana. Ir-rapport ippubblikat illum jagħti rendikont ta' kull każ, b'dettalji dwar x'azzjonijiet ittieħdu. Jingħata rendikont ukoll dwar każijiet pendenti minn snin preċedenti.

 

Dan ir-rapport tnieda waqt konferenza interna li organizza s-Servizz Pubbliku għal segretarji permanenti u uffiċjali involuti f'dan il-proċess, bil-għan li l-monitoraġġ u l-governanza jkomplu dejjem jissaħħu - minkejja r-rati għolja ta' implimentazzjoni.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li dan kollu jixhed l-impenn tas-Servizz Pubbliku biex filwaqt li jkompli jimmodernizza l-istrutturi u l-proċeduri tiegħu, iżomm l-ogħla livell ta' governanza u kontabbiltà mistennija minnu.

 

Il-pubblikazzjoni 'Governance Action on the Parliamentary Ombudsman's Annual Report 2021' hi disponibbli minn fuq is-sit publicservice.gov.mt.


Pubblikazzjoni: https://publicservice.gov.mt/en/Documents/OMBUDSMAN%20GA%202023%20DOC%20SML.pdf