L-avveniment BBC Orchestra in Concert ser ikun qiegħed jirritorna għar-raba' darba konsekuttiva fuq il-Fosos tal-Furjana nhar il-Ħadd, 9 ta' Lulju 2023.
It-tema magħżula għal din is-sena ser tkun marbuta mad-dinja tal-films fl-okkażjoni tal-100 sena minn mindu twaħħlet it-tabella ikonika ta' Hollywood f'Los Angeles l-Istati Uniti.
Dan il-kunċert mistenni wkoll jiġi mxandar fuq BBC Radio 2, stazzjon li jilħaq medja ta' 14.2 miljun semmiegħ fil-ġimgħa.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef fil-preżenza tal-organizzaturi Jason Carter u Anthony Cherry.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq dwar kif dan l-avveniment huwa turija ċara ta' sajf turistiku mimli attivitajiet. “Ninsabu preparati għal staġun sajfi mimli attivitajiet kulturali u ta' divertiment għal kulħadd. Ma hemmx dubju li r-ritorn tal-BBC Orchestra f'pajjiżna huwa ċertifikat ħaj ta' kemm il-prodott tagħna qiegħed jissaħħaħ u jsir iżjed sostenibbli għaż-żmien li ġej," qal il-Ministru Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex Malta tibqa' destinazzjoni attraenti u diversifikata għat-turisti li jiġu jżuruna matul is-sena kollha.