gov.mt

pr230304

PR230304

27/02/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Introdotta skola ta’ taħriġ fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi

Ser tkun introdotta skola ta' taħriġ fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi bil-għan li tindirizza n-nuqqasijiet ta' ħiliet kemm fl-industrija tal-ospitalità u t-turiżmu lokali kif ukoll internazzjonali. Din l-istess skola ser tipprovdi programmi ta' taħriġ innovattivi u ta' kwalità għolja li jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u jtejbu l-provvista tal-kwalità tas-servizz fl-industrija.

 

Din l-iskola ser toffri programmi ta' taħriġ lest, kif ukoll taħriġ personalizzat li jista' jiġi adattat biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-kumpaniji. L-enfasi tal-iskola ta' taħriġ hija li tipprovdi korsijiet ta' taħriġ ta' kwalità, aġġornati u rilevanti; tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti tagħha; l-adozzjoni ta' skeda ta' taħriġ flessibbli biex tilħaq l-iskeda tal-klijenti; u t-twettiq ta' taħriġ eċċellenti.

 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fejn irrimarka kif is-settur turistiku lokali jeħtieġ ikompli jirriforma ruħu permezz ta' iżjed edukazzjoni u taħriġ. 

 

“Ir-riżors uman huwa aspett fundamentali fil-qasam turistiku. Fl-isfond tax-xenarju dinji li qegħdin ngħixu llum jeħtieġ li nkomplu ntejbu u nsaħħu s-servizz li noffru lit-turisti li jiġu jżuruna. Il-komunikazzjoni bażika u l-etika fil-komunità turistika kapaċi jkunu fattur determinanti f'esperjenza pożittiva jew negattiva ta' kwalunkwe viżitatur. Għaldaqstant Malta trid tkompli ġġedded il-prodott turistiku biex tibqa' kompetittiva għaż-żmien li ġej,"  temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

 

​​​