gov.mt

pr230353

PR230353

08/03/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI L-ogħla rata ta’ nisa li jagħżlu karriera fis-Servizz Pubbliku




Ir-rata ta’ nisa li għandhom karriera mas-Servizz Pubbliku jammonta għal 55%, l-ogħla rata li s-Servizz Pubbliku qatt kellu fi ħdanu. Dan ifisser żieda ta’ 5% fuq għaxar snin ilu, u jfisser ukoll li s-Servizz Pubbliku mhux talli żamm iżda attira lejh aktar nisa li għażlu karriera fis-Servizz Pubbliku. 

Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, waqt konferenza organizzata mis-Servizz Pubbliku fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għan-Nisa. 

Hu qal li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw kemm is-Servizz Pubbliku jifhem il-ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata fosthom b’sistemi ta’ flessibilità. Dawn is-sistemi se jiġu msaħħa fil-jiem li ġejjin. 

“It-trends huma ċari u konsistenti. Hu d-dmir tagħna li bħala l-akbar employer fil-pajjiż inkunu wkoll ta’ eżempju għal ħaddieħor, bħala model employer, bi prattiċi tax-xogħol flessibbli u effiċjenti kemm għall-irġiel u n-nisa,” qal is-Sur Sultana. 

Hu temm jgħid li l-prinċipju ta’ ekwità se jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull ħidma u riforma tas-Servizz Pubbliku, irrispettivament mill-ġeneru jew mill-grad tax-xogħol, biex dan il-prinċipju tassew jitħaddem kull ġurnata tas-sena kollha. 

Il-konferenza ‘Sustaining a Gender Equal Future,’ indirizzat diversi temi bis-sehem ta’ uffiċjali pubbliċi, stakeholders varji, nisa fit-tmexxija, intraprendituri fis-settur privat u segretarji permanenti fost oħrajn.