gov.mt

pr230387

PR230387

14/03/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Inwettqu Flimkien: F’April li ġej jirritorna The Malta International Fireworks Festival

Ser jerġa jitella' f'pajjiżna l-avveniment The Malta International Fireworks Festival, li ser jara l-bidu tiegħu nhar it-Tnejn 24 ta' April u jilħaq il-qofol tiegħu lejlet l-1 ta' Mejju fil-Port il-Kbir. Fuq medda ta' sebat ijiem, il-pubbliku inġenerali ser ikollu l-opportunità li jara nar tal-ajru u tal-art minn Nadur, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, in-Naxxar, Manoel Island, il-Floriana u l-Port il-Kbir. 

 

F'dan l-istess perjodu, Malta mistennija tospita wkoll 700 parteċipant barrani għal dan il-festival pirotekniku, kif ukoll 100 eżebitur għall-International Symposium of Fireworks.

 

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li hemm aspettattiva pożittiva għal dan l-avveniment internazzjonali. Huwa kompla jgħid li, “Ir-reputazzjoni ta' pajjiżna fid-dinja piroteknika hija waħda b'saħħitha u magħrufa. Din l-istess storja rridu nkomplu naqsmuha mal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll mat-turisti li jiġu jżuruna. Għalhekk ninsabu determinati li nkomplu noffru avvenimenti ta' portata għolja għal nies ta' kull età."

 

Il-Ministru Bartolo temm jgħid li festival ta' dan il-kalibru internazzjonali huwa konferma tal-impenn tal-Gvern li jkompli jpoġġi s-settur turistiku fost il-kontributuri ewlenin tal-ekonomija Maltija.

 

Iċ-Chairman Gavin Gulia qal li dan il-festival huwa avveniment li sar parti integrali mill-kalendarju ta' attivitajiet li jiġu organizzati matul is-sena. “Permezz ta' dan il-Festival inkunu nistgħu niġbdu għaqdiet internazzjonali tal-Logħob tan-Nar sabiex jikkompetu f'Malta. Ninsabu ċerti li dan il-festival internazzjonali ħa jattira numru ta' turisti u udjenza lokali li ser jattendu sabiex igawdu dan l-ispettaklu mill-isbaħ madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin," temm jgħid iċ-Chairman Gavin Gulia. ​