PR230644

03/05/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: 449 tarbija rċevew il-kura fl-NPICU f’2022

Il-ħinijiet tal-viżitaturi tal-NPICU lura għan-normal

 

It-taqsima ta' kura intensiva tat-trabi tat-twelid u tfal ta' taħt it-tliet snin fi ħdan l-Isptar Mater Dei ħadet ħsieb 449 tarbija matul is-sena 2022. Huwa stmat li permezz tal-kura eċċellenti mogħtija f'din is-sala minn tobba, infermiera u professjonisti tas-saħħa speċjalizzati f'dan il-qasam, 97% tat-trabi jirkupraw kompletament, tant li meta jingħaqdu ma' familthom id-dar jgħixu ħajja normali.

 

Waqt żjara f'din is-sala, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne segwa l-mod li bih l-istaff dedikat kontinwament jaġġorna l-prattiċi tiegħu sabiex tingħata l-aqwa kura lill-iżgħar pazjenti tal-isptar.

 

Fid-dawl tat-tneħħija ta' iżjed miżuri ta' prevenzjoni tal-COVID-19 interni tal-isptar, b'kordinament mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li f'din is-sala se jerġgħu jirritornaw għan-normal il-ħinijiet ta' viżitaturi għall-ġenituri tat-trabi. B'hekk wara 13:30hrs, il-ġenituri issa jistgħu jżuru lit-trabi b'mod liberu.

 

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-sala ta' ħidmiethom.