PR230672

08/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Imnedija l-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023-2030


Waqt konferenza li għaliha attendew imsieħba tal-gvern lokali, ġie mniedi d-dokument tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023-2030. Dan wara li s-sena li għaddiet ġie varat proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa li wassal għat-tnedija ta' dan id-dokument mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.

 

L-għan ta' dan id-dokument huwa li jwassal għal tiġdid fil-qasam tal-gvern lokali, b' viżjoni strateġika li toffri triq 'l quddiem imsejsa fuq livelli ogħla ta' governanza tajba, residenti fil-qofol tal-ħidma tal-kunsilli lokali u ambjent li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Viżjoni li tikkumplimenta dik tal-Gvern fil-qasam tal-gvern lokali.

 

Il-Viżjoni Strateġika hija mfassla fuq ħames temi ewlenin li jirriflettu viżjoni ħolistika li tinkorpora u tħeġġeġ komunitajiet aktar inklussivi, sostenibbli u kreattivi għar-residenti sabiex jgħixu, jaħdmu u jintegraw f'ambjent aktar san u nadif. Dawn huma: Governanza Tajba u Effettiva; Riżorsa Reġjonali għall-Kunsilli Lokali; Lokalitajiet b'Ambjent Aktar Nadif; Kunsilli Lokali Viċin in-Nies; Prijorità Diġitali fil-Gvern Lokali.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal: “Il-membri tal-kunsilli lokali  qed jagħmlu sforzi bla heda biex jkunu ta' differenza sinifikanti fil-ħajja tal-membri tal-komunità tagħna. Qed jagħmlu sforzi wkoll mill-qrib ma' negozji lokali u gruppi komunitarji biex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u joħolqu komunità vibranti u prospera li tassew għandna nkunu kburin biha." Huwa temm billi faħħar il-ħidma li twettqet biex tfassal u ġie varat dan id-dokument ta' viżjoni strateġika u qal li l-gvern jinsab impenjat li jara li l-gvern lokali jkompli jimxi 'l quddiem.

 

Min-naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li sabiex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jibqgħu jaqdu l-irwol tagħhom fil-komunitajiet, jeħtiġilhom li jaddattaw maż-żminijiet, joperaw fi strutturi b'saħħithom u li jkollhom l-għodda meħtieġa. Hija enfasizzat li l-viżjoni strateġika hija strument ħaj, li l-imsieħba tal-gvern lokali jridu jibqgħu jibnu fuqha u jtejbu l-ideat li hemm miġbura fiha.

 

“Huwa d-dover tagħna li nservu lir-residenti bl-aħjar u l-aktar mod effiċjenti u effettiv, sabiex inkomplu intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u nindirizzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet kollha," temmet tgħid Alison Zerafa Civelli.

 

Waqt l-istess konferenza saret diskussjoni li trattat it-30 Sena mit-twaqqif tal-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex u l-implimentazzjoni tal-viżjoni strateġika. Ġie mħabbar ukoll programm li jikkommemora t-30 Sena Anniversarju, li jinkludi attivitajiet u inizjattivi minn issa sa Novembru 2023. Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv Aaron Zahra li  spjega li l-programm għandu fiċ-ċentru lil dawk l-aktar qrib il-gvern lokali li huma l-presidenti reġjonali, is-sindki, il-kunsilliera, is-segretarji eżekuttivi u l-ħaddiema kollha tal-kunsilli lokali.

 

Id-dokument tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023-2030: https://gvernlokali.gov.mt/wp-content/uploads/2023/05/STRATEGIJA-GVERN-LOKALI.pdf

​​