gov.mt

pr230677

PR230677

09/05/2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Imniedi l-Programm Nazzjonali għall-iscreening tal-Glaucoma

Fil-ġimgħat li għaddew is-servizzi tal-Kura Primarja nedew programm nazzjonali tal-iscreening tal-glaucoma għall-individwi li għandhom 'il fuq min 40 sena. Dan is-servizz ta' prevenzjoni huwa immirat għal persuni li għadhom mhumiex jesperjenzaw sintomi ta' glaucoma u dan bil-għan li din il-kundizzjoni tkun identifikata fl-istadji bikrin tagħha u għalhekk jinbeda t-trattament mill-bidu nett.

 

Waqt żjara fil-klinika tal-komunità tal-Belt Valletta, fejn qed jiġi offrut dan is-servizz mingħajr il-bżonn ta' riferta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif minkejja li l-glaucoma ġeneralment tibda tħalli l-effetti kiefra tagħha f'persuni ta' 'l fuq minn 60 sena, permezz ta' dijanjosi bikrija dawn jistgħu jkunu evitati wkoll.

 

Il-professjonisti tas-saħħa li jmexxu dan is-servizz qalu lid-Deputat Prim Ministru li 5% tal-persuni li diġà għamlu użu minn dan is-servizz fil-komunità kienu riferuti liċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għal testijiet ulterjuri tal-għajnejn.

 

Id-Deputat Prim Ministru appella lill-adulti ta' 'l fuq minn 40 sena u kif ukoll individwi li jbatu bid-dijabete jew li għandhom storja ta' glaucoma fil-familja sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz effiċjenti li se jibda jkun offrut mill-kliniċi tal-komunità kollha, skont skeda aġġornata mill-Kura tas-Saħħa Primarja. Huwa faħħar l-inizjattiva, li tingħaqad mas-servizzi l-oħra speċjalizzati tal-għajnejn offruti miċ-Ċentru tal-Eċċellenza tal-Għajnejn fil-Furjana.

 

Individwi li jixtiequ iżjed informazzjoni dwar dan is-servizz jistgħu jċemplu lill-Client Support Centre tal-Kura tas-Saħħa Primarja fuq 21 231 231 jew 21 222 444.​