Is-Servizz Pubbliku nieda l-identità l-ġdida tiegħu, bil-viżjoni li b'aktar investiment fl-infrastruttura u ħiliet diġitali jista' jkompli jimmodernizza lilu nnifsu kif ukoll lill-pajjiż.
It-tnedija saret mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana, waqt il-ftuħ tal-ewwel edizzjoni ta' The Public Service Expo. Dan l-avveniment qed jiġbor taħt saqaf wieħed l-Amministrazzjoni Pubblika kollha, bl-Expo sservi ta' vetrina għall-aqwa għodod diġitali li jagħmel użu minnhom is-Servizz Pubbliku f'kull settur u qasam tal-ħajja.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li l-immodernizzar li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku ma jiqafx biss mat-teknoloġija, iżda hi kwistjoni wkoll ta' mentalità, bid-dħul ta' prattiċi ġodda, proċeduri aktar rilevanti, u għodod innovattivi fosthom bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Waqt li kien qed jindirizza l-kapijiet tal-Amministrazzjoni Pubblika, is-Sur Sultana elenka l-viżjoni tiegħu ta' amministrazzjoni pubblika waħda għal poplu wieħed, li ma tagħmilx distinzjoni bejn dipartimenti, aġenziji u entitajiet, iżda li l-ħidma tkun ibbażata fuq ambizzjoni li naħdmu aħjar.
“B'hekk biss inkunu nistgħu nħarsu 'l quddiem u nkomplu nimmodernizzaw dan il-pajjiż," temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.
L-ewwel EXPO tax-xorta tagħha
L-Expo, li qed issir fl-MFCC Ta' Qali, tesponi sistemi intelliġenti varji li jintużaw ta' kuljum fis-Servizz Pubbliku. Dawn jinkludu sistemi li jiffaċilitaw permessi lokali, benefiċċji u sigurtà soċjali, kura u saħħa personali, ipproċessar ta' applikazzjonijiet u sistemi ta' parkeġġ fost oħrajn.
Wieħed jista' jara wkoll sistemi diġitali ta' interess uniku, fosthom bomb disposal robot, kċina diġitali, ologrammi ta' statwi, passport system identifier, 3D Costume Scanning, robots varji, simulators tal-eSports u scanning diġitali ta' arkivji notarili li jmorru lura mijiet ta' snin.
Se jkunu esposti wkoll sistemi diġitali li jassistu l-pajjiż fuq skala nazzjonali, fosthom l-Emergency Management Control Centre, Air Traffic Demos, id-dashboard tal-Borża ta' Malta, laboratorju tal-ittestjar tal-mediċini, u s-sistema diġitali li tħaddem il-funtana ta' Tritoni fost oħrajn. Se jkun hemm ukoll għodod diġitali li jintużaw fid-diplomazija u fl-użu tal-agrikoltura u riżorsi naturali, diversi realtajiet virtwali u tours virtwali ta' attrazzjonijiet ta' interess.
L-EXPO se tibqa' miftuħa sa nhar il-Ġimgħa, 12 ta' Mejju 2023, bl-aħħar postijiet huma disponibbli biss permezz ta' reġistrazzjoni fuq is-sit tas-servizz pubbliku - publicservice.gov.mt.