Il-Ġimgħa filgħaxija s-Servizz Pubbliku rrikonoxxa l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi li spikkaw f'ħidmiethom matul is-sena li għaddiet, f'ċerimonja li saret taħt il-patroċinju tal-President Dr George Vella, u li ġabet fi tmiem l-ewwel edizzjoni tal-Public Service Expo.
F'diskors tal-okkażjoni, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana ddeskriva l-uffiċjal pubbliku bħala l-akbar riżorsa li għandu s-Servizz Pubbliku, u stqarr li okkażjonijiet bħal dawn jippremjaw il-motivazzjoni, l-innovazzjoni u s-sens ta' appartenenza tal-uffiċjal.
Għal din is-sena, il-maġġoranza assoluta tal-premjijiet kienu miftuħin għan-nominazzjonijiet tal-uffiċjali pubbliċi stess, b'bord imwaqqaf apposta jirċievi kważi 300 nominazzjoni.
Ir-rikonoxximenti li ngħataw kienu dawn:
Best Green Initiative ngħata lill-Inġinier Ramon Tabone mid-Direttorat tal-Inġinerija fl-isptar Mater Dei. Is-Sur Tabone ħadem fuq proġett fejn naqqas il-ħela ta' sħana mill-inġenji taċ-Chillers tal-isptar, billi jutilizza din l-istess enerġija biex issaħħan is-swali u l-ilma domestiku. Hu stmat li dan wassal għall-iffrankar ta' miljun litru fuel, u t-tnaqqis ta' aktar minn tliet miljun kilogramma ta' emissjoni tal-karbonju.
Best Digital Solution ingħata lill-Information Management Unit tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, għall-iżvilupp tal-pjattaforma 'mySocialSecurity.' Din l-għodda toffri servizzi soċjali personalizzati, b'faċilità ta' stimi ta' benefiċċji li applikant ikun eliġibbli għalihom.
Inclusion Award ingħata lit-tim tal-Community Policing fil-Marsa. Dan it-tim stabbilixxa diversi attivitajiet li bihom qed iwasslu għal aktar inklużjoni kif ukoll qed iservu ta' pont bejn gruppi ta' minoranza u l-awtoritajiet.
Inspiring Social Responsibility Award ingħata lill-Malta Food Agency, għat-tqassim ta' frott, ħaxix u ħut frisk lil soup kitchens u food banks.
Project of the Year ingħata lid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità għall-proġett 'Dar Padova,' klinika b'numru ta' servizzi olistiċi taħt saqaf wieħed għall-anzjani f'Għawdex, inkluż ukoll il-faċilità ta' night shelter.
Team Recognition Award ingħata lit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali (IRU) fi ħdan id-Diviżjoni tan-Nies u Standards, tax-xogħol tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b'ħiliet ta' negozjar u abbiltà li tnaqqas il-kunflitti fix-xogħol ta' kuljum.
Quality Award ingħata lil Business First, wara li konsistentement ġabet riżultati pożittivi fil-kontrolli interni tas-Servizz Pubbliku li jħarsu l-livelli ta' kwalità. L-Uffiċċju tal-Passaport u l-uffiċċju tal-eID fi ħdan Identity Malta, l-Uffiċċju għas-Servizzi Konsulari, il-One-Stop-Shop għall-Uffiċjali Pubbliċi u l-Health Care Funding kisbu l-Quality Label.
Best Practice in Good Governance Award ingħata lill-Awtorità tal-Istandards għall-Kura Soċjali, wara r-rakkomandazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) f'audit riċenti.
Role Model Award ingħata lill-Kuntistabbli tal-Pulizija Aiden Brignone Carachi, li ġie deskritt minn sħabu bħala persuna diliġenti u ta' etika li jaqdi dmiru b'attenzjoni. Hu kien strumentali biex salva mill-mewt persuna li tatha puplesija u li ma kinitx qed taċċetta għajnuna hi stess.
Matul is-serata ngħata wkoll ir-rikonoxximent 'Outstanding Effort Award' mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana lit-tim tal-Protezzjoni Ċivili. Dawn l-uffiċjali ġew rikonoxxuti talli fi Frar li għadda telqu barra minn xtutna biex jassistu l-vittmi tat-terremot fit-Turkija.