Xhur sħaħ ta' preparamenti u investiment bla preċedent se jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn meta ċerimonja spettakolari tal-ftuħ tagħti bidu għall-avveniment sportiv internazzjonali f'pajjiżna. Din hija t-tielet darba li Malta qed tospita il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar mill-bidu tagħhom fl-1985.
“Din hija okkażjoni oħra li permezz tagħha qed ngħollu l-profil ta' pajjiżna fid-dinja tal-Isport u se nħallu legat qawwi għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin", qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Huwa qal dan meta żar żewġ faċilitajiet sportivi li flimkien ma' oħrajn se jkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni tad-dinja sportiva fil-jiem li ġejjin. Il-Ministru Grima kien qiegħed ukoll iżur l-atleti fl-aħħar mumenti ta' taħriġ tagħhom.
Fiż-żewġ faċilitajiet li żar, il-Padiljun tal-Basketball f'Ta' Qali u t-Trakka tal-Atletika fil-Marsa, il-Ministru Grima ltaqa' mal-atleti u awguralhom suċċess. “Il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu warajkom, u persważ li inthom se tagħmlu unur lill-bandiera ta' pajjiżna. Il-Gvern Malti jemmen fil-kapaċitajiet tagħkom u għalhekk investa mhux biss dirett fikom, imma wkoll billi investa l-miljuni biex jgħolli l-faċilitajiet sportivi għal-livell Internazzjonali, filwaqt li bena faċilitajiet ġodda li se jkunu parti mil-legat ta' dan l-avveniment sportiv", qal il-Ministru Grima.
Kemm il-Padiljun tal-Basketball kif ukoll it-Trakka tal-Atletika huma parti mill-investiment li sar biex il-faċilitajiet sportivi jkunu ta' livell internazzjonali u finalment se jibqgħu jitgawdew mill-poplu Malti u mill-ġenerazzjonijiet futuri.
“Ilna nippreparaw u issa qed nistennew b'ħerqa l-qofol tal-preparamenti tagħna. Din se tkun esperjenza sabiħa mhux biss għall-atleti imma wkoll għall-poplu kollu. Dawn il-logħob se jkomplu jpoġġuna fuq il-mappa dinjija tal-isport, u se jkun okkażjoni li fiha l-atleti tagħna se jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li għamilna fihom f'riżultati tajbin kemm fuq livell personali kif ukoll fuq skala nazzjonali", temm jgħid il-Ministru Grima.
Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi hekk kif id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq ħidma vasta fl-istadium tal-Atletika fil-Marsa. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija ta' dan il-proġett u rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment għax-xogħol estensiv li wettaq li kien jinvolvi t-tneħħija ta' materjal antik, xogħol ta' finishings u l-installazzjoni ta' sistemi mekkaniċi u elettriċi b'materjali li ma jagħmlux ħsara l-ambjent.
Minn kemm ilhom isiru l-Logħob tal-pajjiżi ż-Żgħar l-atleti Maltin kisbu 331 medalja. Fiż-żewġ edizzjonijiet li saru f'pajjiżna, l-atleti kisbu 32 medalja fl-1993 u 44 medalja fl-2003. Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar se jibdew fid-29 ta' Mejju sat-3 ta' Ġunju u mistennija jipparteċipaw fihom mal-1,000 atleta u 500 uffiċjal f'għaxar dixxiplini sportivi.