PR230789

25/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX, IL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Jiġu diskussi diversi kwistjonijiet kruċjali għall-futur ta’ Għawdex waqt id-9 laqgħa tal-MCESD għas-sena 2023

Matul id-9 laqgħa tal-MCESD għall-2023, l-imsieħba soċjali flimkien mal-Kumitat Reġjonali ta' Għawdex, u numru ta' għaqdiet minn Għawdex, kellhom l-opportunità li jiddiskutu numru ta' suġġetti kruċjali għall-futur ta' din il-gżira.

 

Preżenti għal-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri u l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.

 

Waqt ir-rimarki introduttorji tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li l-impenn tal-Gvern jibqa' dak li jisma' x'għandhom xi jgħidu l-imsieħba soċjali u l-esperti, fuq diversi temi li huma kruċjali biex pajjiżna jibqa' kompetittiv, filwaqt li kulħadd igawdi mill-ġid li qed jinħoloq.

 

Id-diskussjoni ffukat fuq kwistjonijiet kruċjali għall-futur ta' Għawdex, it-trasformazzjoni ta' Għawdex u  fuq l-importanza li tiġi protetta l-attrazzjoni unika ta' din il-gżira. Matul il-laqgħa ġie ppreżentat pjan ifformulat minn entitajiet diversi li laħqu kunsens dwar kwistjonijiet ewlenin fil-gżira Għawdxija. Il-pjan, bl-appoġġ tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw diversi aspetti tas-soċjetà Għawdxija, joffri direzzjoni biex jindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw l-ambjenti naturali u mibnija f'Għawdex. Ingħatat preżentazzjoni wkoll mill-organizzazzjoni 'Għal Għawdex', koalizzjoni magħmula minn tliet NGOs ambjentali - Din l-Art Ħelwa Għawdex, Wirt Għawdex, u Għawdix.

 

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li din is-sena se jkun qed jiġi preżentat pjan ta' proposti li se jiġi diskuss ukoll mal-għaqdiet u ma' dawk involuti fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà. Huwa kompla jgħid li, “il-Ministeru jilqa' l-inizjattivi u l-proposti u huwa miftuħ għad-diskussjoni għaliex jemmen fil-parteċipazzjoni attiva sabiex ikompli jinħoloq bilanċ u żvilupp sostenibbli fil-gżira Għawdxija."

 

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-parteċipazzjoni ta' diversi organizzazzjonijiet Għawdxin u għal proposti li ġew ippreżentati. “L-ippjanar f'Għawdex għandu jiġi diskuss b'mod strutturat sabiex isir studju ekonomiku kollettiv li jwassal għal deċiżjonijiet għaqlin li l-frott tagħhom narawh fis-snin li ġejjin," tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa temm jgħid li din il-laqgħa se sservi bħala bidu tajjeb għal diskussjoni wiesgħa dwar strateġija ta' żvilupp sostenibbli li tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-gżira Għawdxija.

 

F'din il-laqgħa, il-Kamra tan-Negozju f'Għawdex u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f'Għawdex irrappreżentaw l-industrija u l-kummerċ, kif ukoll is-settur tat-turiżmu f'Għawdex. Filwaqt li l-14-il Kunsill Lokali ta' Għawdex kienu rrappreżentati mill-Kunsill Reġjonali ta' Għawdex.

 

Matul il-laqgħa, l-imsieħba soċjali, kemm il-unjins kif ukoll min iħaddem, flimkien mal-Kumitat Reġjonali ta' Għawdex, l-għaqdiet Għawdxin preżenti u l-Gvern kellhom l-opportunità li jipprovdu għarfien siewi dwar is-suġġetti li qed jiġu diskussi għal djalogu sinifikanti u t-trawwim ta' aktar kollaborazzjoni.​