gov.mt

pr230796

PR230796

26/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

 

OFFERTA TA' ROLLOVER LID-DETENTURI

TAT-62+ MALTA GOVERNMENT SAVINGS BOND – ĦRUĠ 2018

MAĦRUĠ BIR-RATA TA' 3% FIS-SENA

FI ĦRUĠ ĠDID

TAT-62+ MALTA GOVERNMENT SAVINGS BOND – ĦRUĠ 2023

MAĦRUĠ BIR-RATA TA' 3.60% FIS-SENA

 

L-Accountant General jistieden lid-detenturi tat-62+ Malta Government Savings Bond (MGSB) – Ħruġ 2018 (Bond li ser Jimmatura) sabiex iġeddu l-investiment kollu f'Bond Ġdid tat-62+ Malta Government Savings Bonds – Ħruġ 2023 b'effett mid-19 ta' Ġunju 2023. Id-detenturi tal-bond eżistenti tat-62+ MGSB – Ħruġ 2018 li jagħżlu li jġeddu l-investiment tagħhom fil-Bond il-Ġdid ser jiġu allokati l-istess ammont nominali li kellhom fil-Bond li ser Jimmatura, fil-Bond il-Ġdid tat-62+ MGSB– Ħruġ 2023.

 

Il-ħruġ il-ġdid tat-62+ MGSB – Ħruġ 2023 għandu jinħareġ bl-istess termini tal-ħruġ eżistenti 62+ MGSB – Ħruġ 2018, ħlief għar-rata tal-imgħax, li ser tkun ta' 3.60% fis-sena għal 5 snin. Il-Ħruġ il-ġdid tat-62+ MGSB – Ħruġ 2023 ser jinħareġ skont il-prospett ippubblikat fis-26 ta' Mejju 2023.

 

Arranġamenti tar-Rollover

 

Ser tintbagħat Formola tal-Applikazzjoni preskritta li fiha ser ikun hemm l-ammont nominali investit fit-62+ MGSB – Ħruġ 2018  lid-detenturi kollha ta' dan il-Bond, li isimhom jidher fir-reġistru f'għeluq il-ġurnata ta' negozju tal-Ġimgħa is-26 ta' Mejju 2023 (id-data cut-off). Id-detenturi li jagħżlu li jġeddu l-investiment għandhom jimlew il-Formola tal-Applikazzjoni u jibagħtuha lir-Reġistratur fl-envelop indirizzat u ipprovdut mal-Formola tal-Applikazzjoni. L-Applikazzjoni trid tasal sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta is-6 ta' Ġunju 2023.

 

Id-detenturi li ma jixtiqux iġeddu l-investiment tagħhom m'għadhom bżonn jagħmlu xejn u ser jirċievu l-ħlas lura tal-kapital fid-19 ta' Ġunju 2023, id-data tal-maturità. 

 

Detenturi tat-62+ MGSB – Ħruġ 2018 li jagħżlu li jġeddu l-investiment fil-Bond il-Ġdid ser ikunu reġistrati bħala detenturi tat-62+ MGSB – Ħruġ 2023 b'effett mid-19 ta' Ġunju 2023.

 

Termini tal-ħruġ il-ġdid 62+ MGSB - Ħruġ 2023

It-termini tal-Bond il-Ġdid huma simili għat-termini u kundizzjonijiet tat-62+ MGSB – Ħruġ 2018, ħlief għar-rata tal-imgħax, li ser tkun ta' 3.60% fis-sena għal 5 snin li ser jimmatura fl-2028. Il-Bond ma jistax jiġi negozjat, assenjat, trasferit lil xi individwu ieħor jew jingħata bħala rahan.

 

L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b'lura fid-19 ta' Ġunju u fid-19 ta' Diċembru għall-perjodu kollu ta' ħames snin. Id-detenturi jistgħu jirtiraw l-ammont kollu investit qabel id-19 ta' Ġunju 2028 (id-data tal-maturità), soġġett għal ħlas ta' penali għall-fidwa bikrija, ekwivalenti għal 3 xhur imgħax gross fuq l-ammont irtirat, bir-rata tal-imgħax li jgħaddi l-Bond.

 

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mill-prospett, li jista' jitniżżel mis-sit elettroniku tat-Teżor f'www.treasury.gov.mt.

 

 ​