PR230815

30/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Jirritorna l-kunċert SummerDaze f’Awwissu li ġej

Il-kunċert SummerDaze ser ikun qiegħed jirritorna f'Awwissu li ġej fil-Picnic Area f'Ta Qali. ​​​​

Il-programm ser jilħaq il-qofol tiegħu nhar it-Tlieta 15 ta' Awwissu bis-sehem ta' artisti internazzjonali li jinkludu l-Black Eyed Peas, Farruko, Zara Larsson u D Block Europe.

Nhar il-Ġimgħa 18 ta' Awwissu, dan il-festival ta' divertiment ser jara wkoll is-sehem ta' artisti Taljani li huma Albertino, Fargetta, Molella, Prezioso, Salmo, Elettra Lamborghini, Fred De Palma, Haddaway u Double You.

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u l-organizzaturi ta' dan l-avveniment.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li r-ritorn ta' SummerDaze f'pajjiżna jkompli jikkonferma l-importanza li jkomplu joffru iżjed attrazzjonijiet għat-turisti li jżuruna u n-nies lokali. “L-impenn tagħna ser jibqa' li nkomplu ntejbu r-reklamar u l-livell tal-prodott turistiku lokali. Il-pjan tagħna qiegħed jaħdem għaliex l-investiment li qegħdin nagħmlu fuq dawn iż-żewġ binarji qiegħed jurina li għandu jkollna sajf b'saħħtu, simili ta' dak li esperjenzajna fl-aħħar sena ta' qabel il-pandemija," saħaq il-ministru.

Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tintensifika l-ħidma tagħha biex il-Gżejjer Maltin ikunu destinazzjoni attraenti għal kull età.