“L-Att dwar il-Bastimenti Merkantili kien kruċjali biex pajjiżna jikseb ir-reputazzjoni b'saħħitha li għandu fil-qasam marittimu," stqarr il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt simpożju organizzat minn Transport Malta, f'kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, il-Malta Maritime Law Association u l-Malta International Shipowners Association.
L-Att dwar il-Bastimenti Merkantili jirregola r-reġistrazzjoni tal-vapuri u l-baħħara taħt il-bandiera Maltija u permezz tiegħu Malta evolviet f'ċentru ta' eċċellenza fil-qasam marittimu.
Il-Malta Shipping Symposium, bit-tema “Yesterday, Today and Tomorrow", ġabar flimkien numru ta' esperti tal-industrija, policymakers , professjonisti legali, u partijiet interessati fis-settur marittimu biex iħarsu lura lejn l-aħħar 50 sena u flimkien ikomplu jwittu t-triq 'il quddiem għal pajjiżna bħala ċentru ta' eċċellenza fil-qasam marittimu. Bi storja rikka u futur promettenti, Malta saret mekka globali għat-tbaħħir u s-servizzi marittimi. Dan is-simpożju pprovda pjattaforma għal diskussjonijiet, opportunitajiet ta' networking, u skambju ta' għarfien u l-aħjar prattiċi.
Waqt is-simpożju, il-Ministru Aaron Farrugia faħħar id-djalogu b'saħħtu bejn l-istakeholders tal-industrija u r-regolatur. Il-Ministru ħabbar ukoll investiment qawwi fit-trasformazzjoni diġitali tal-operat tar-Reġistru tal-Bastimenti ta' Malta. “Se nkomplu ninvestu biex insaħħu dan ir-reġistru u nkomplu nagħmlu minn pajjiżna ċentru ta' eċċellenza. Jeħtieġ li nkomplu nibnu fuq l-avvanzi teknoloġiċi filwaqt li ninvestu wkoll fl-element uman biex jibqa' jkollna regolatur li huwa wieħed aċċessibbli u li joffri qafas leġislattiv b'saħħtu," temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Min-naħa tiegħu, r-Reġistratur Ewlieni tal-Bastimenti Ivan Sammut irringrazzja lill-istakeholders kollha f'din l-industrija tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-Reġistru tal-Bastimenti Malti tul dawn l-aħħar 50 sena. “Din l-industrija għaddejja minn trasformazzjoni qawwija, kemm mil-lat ambjentali u ta' sostenibbiltà, kif ukoll dik diġitali. Il-futur huwa wieħed mimli sfidi, iżda konvinti li se nkunu qed naqilbu dawn l-isfidi f'opportunitajiet għal futur aħjar. Ir-Reġistru tal-Bastimenti Malti se jkompli jżomm djalogu b'saħħtu mal-istakeholders kollha biex jassigura futur aħjar u sostenibbli."
Il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, Jonathan Borg saħaq dwar l-importanza ta' dan is-simpożju. “Qed norganizzaw il-Malta Shipping Symposium f'din l-okkażjoni importanti tal-50 Anniversarju tal-Malta Shipping Act. Dan is-simpożju serva bħala pjattaforma ideali biex nirriflettu fuq il-wirt marittimu tagħna, niddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet preżenti, u naħsbu f'futur sostenibbli għall-industrija. Inħarsu 'l quddiem li nkomplu b'djalogu b'saħħtu mal-partijiet interessati kollha fi ħdan din l-industrija importanti għall-ekonomija tagħna."