gov.mt

pr230817

PR230817

30/05/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Inawgurat ġnien għal persuni bid-dimensja fl-Isptar San Vinċenz de Paul

​​

F'konferenza tal-aħbarijiet, fl-Isptar San Vinċenz de Paul, ġie inawgurat Ġnien ix-Xewqat Sbieħ b'investiment ta' €750,000. Dan il-ġnien innovattiv, li huwa maħsub biex joffri spazju sikur għall-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

 

Ġnien ix-Xewqat Sbieħ ikopri medda ta' art ta' 10,000 metru kwadru u l-iskop tiegħu hu li joffri spazju għall-persuni bid-dimensja fejn ikunu jistgħu jirrilassaw.

 

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li l-proġett beda permezz ta' kollaborazzjoni bejn l-isptar u l-Fakultà tad-Disinn Urban fl-Università ta' Malta fejn saru studji, anke minn studenti, biex jiġi evalwat kif dan il-ġnien għandu jaqdi l-bżonnijiet ta' persuni bid-dimensja. Qal ukoll li f'dan il-ġnien ser isiru attivitajiet differenti sabiex jgħinu persuni bid-dimensja jirrilassaw u jżommu kalmi, permezz ta' sezzjonijiet ta' gruppi kif ukoll individwali, u attivitajiet ta' soċjalizzazzjoni, fost oħrajn.

 

Fost ix-xogħolijiet li saru matul dan il-proġett kien hemm dawk ta' servizzi ġodda ta' elettriku, ilma, għamara ġdida, pavimentar ġdid u lqugħ ta' ilma tax-xita ġodda u kif ukoll funtana. Infrastruttura Malta kienet responsabbli għal xogħol ta' asfalt ġdid u bankini, kif ukoll tqattigħ għal sistemi akbar tal-lqugħ tal-ilma. Filwaqt li l-kumpanija Norwex, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tat donazzjoni ta' 'l fuq minn mitt siġra, arbuxelli u pjanti.​