Dalgħodu d-Deputat Speaker David Agius M.P. mexxa l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2023, imtella' mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), flimkien mal-Parlament ta' Malta. Permezz ta' din l-attività ż-żgħażagħ flimkien jgħaddu minn esperjenza f'ħajjithom b'impenn li jtejbu l-qagħda soċjali, kulturali, ekonomika u politika f'pajjiżna u wkoll iħabirku biex dejjem jitjieb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi. F'demokrazija, din hi opportunità għaż-żgħażagħ biex huma jitgħallmu l-arti tal-persważjoni, li minkejja opinjonijiet u veduti diversi huma dejjem għandhom ifittxu li jikkonvinċu lil ħaddieħor fl-interess komuni u dak nazzjonali. B'hekk is-sehem fil-ħajja pubblika jkun wieħed mill-ifjen.
Id-Deputat Speaker saħaq fuq l-importanza li kull persuna impenjata fil-ħajja pubblika tagħraf u tapprezza s-sens ta' dover tagħha lejn ħaddieħor u l-ġid komuni. “Mhux aktar jien, iżda aħna..... x'inhuma l-vera ħtiġijiet tagħna u ....ta' kull wieħed u waħda minna." Hawn hu spjega kif fis-soċjetà nsibu li bosta individwi waqgħu lura u li dawn il-persuni għandhom bżonn li jkunu mgħejuna. Matul iż-żmien, il-mexxejja politiċi Maltin u Għawdxin għarfu dan u ħadu u għadhom jieħdu għadd ta' miżuri t'għajnuna, intiżi biex ikunu mgħejuna dawk l-individwi li tassew jeħtiġuha.
Hawn id-Deputat Speaker ħeġġeġ li f'ħidmiethom iż-żgħażagħ għandhom ikunu determinati u “...jiġġieldu għas-sewwa", u kull darba li jsibu tfixkil “...tobdux, u komplu bil-ħidma [tagħkom] għas-sewwa b'aktar insistenza", kif tkellem tant tajjeb din il-ġimgħa s-Sur Peppi Azzopardi. Hu fisser li min tassew iħobb il-politika jeħtieġ iħobb lill-proxxmu tiegħu, l-aktar liż-żgħir u l-batut fis-soċjetà, fosthom dawk iż-żgħażagħ li waqgħu vittmi tad-droga, u jaħseb kif bħala soċjetà nistgħu nfasslu aktar programmi ta' prevenzjoni.
Id-Deputat Speaker fakkar li fil-kuntest ġeopolitiku li Malta hi msieħba fl-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ għandhom jibqgħu jħabirku biex tissaħħaħ il-familja Ewropea f'kuntest internazzjonali li kontinwament qed jinbidel. Hu ħeġġeġ iż-żgħażagħ kollha biex juru l-interess u jagħtu s-sehem tagħhom f'diversi oqsma tal-ħajja.
Matul il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-parteċipanti ddiskutew żewġ mozzjonijiet: (a) Ir-Regolarizzazzjoni tal-Prostituzzjoni f'Malta u (b) Il-Libertà tal-Midja u l-Polarizzazzjoni Politika tal-Midja lokali.
Matul din l-edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, taw ukoll is-sehem tagħhom Bernice Bonello, Chris Bonett, Darren Carabott, u Randolph Debattista.
Id-diskors sħiħ tad-Deputat Speaker lill-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2023 huwa anness.
pr231385a.pdf