L-attività kulturali 'Rabat Sacrum' bit-tema 'Teżori moħbija fl-Imqades Rabtin' se ssir nhar is-Sibt 23 ta' Settembru mis-6 ta' filgħaxija 'l quddiem u l-Ħadd 24 ta' Settembru mid-9 ta' filgħodu sa nofsinhar. Din ser tkun l-ewwel edizzjoni ta' din l-attività organizzata mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, f'diversi toroq Rabtin. Il-Kunsill Lokali kien iffinanzjat fondi mill-iskema finanzjarja għall-Attivitajiet Kulturali Annwali sabiex tittella' din l-attività.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif ir-Rabat għandu l-potenzjal li jkun ċentru għat-turiżmu reliġjuż. “Din il-lokalità tipposjedi patrimonju kulturali u reliġjuż li għandu jservi ta' opportunità biex minnu jkollna iżjed viżitaturi lejn dawn l-inħawi tal-pajjiż. L-impenn tagħna flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser jissaħħaħ biex naraw li kull belt jew raħal f'Malta u f'Għawdex tkun vetrina kulturali għal Maltin u anke għat-turisti li jiġu jżuruna," qal il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attivitajiet kulturali jsaħħu u jikkontribwixxu għall-ġid u l-iżvilupp tal-komunitajiet, filwaqt li jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet. “Il-Gvern ser ikompli jirrikonoxxi u jagħti s-sostenn tiegħu favur attivitajiet soċjo-kulturali fil-qalba tal-lokalitajiet għaliex nemmnu fil-potenzjal tagħhom għal soċjetà vibranti u li joffru pjattaforma lill-artisti lokali sabiex jesponu t-talenti tagħhom," saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija faħħret lill-Kunsill Lokali tar-Rabat tal-inizjattiva favur dan il-proġett.
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus spjega li din l-attività ser tiftaħ iċ-ċentru storiku tar-Rabat għall-pubbliku fejn wieħed jista' jesperjenza r-reliġjon, l-istorja u l-kultura f'post wieħed. Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jżuru postijiet storiċi bla ħlas u postijiet li normalment ma jkunux miftuħin għall-pubbliku inġenerali. L-attività ser tinkludi wkoll diversi kunċerti, wirjiet u infjorata fil-knejjes u l-kunventi.
Għal aktar informazzjoni fuq l-attività żur il-paġna ta' Facebook tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta.