PR231389

18/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR: Ftehim kollettiv ġdid li se joffri kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema tal-OHSA


Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid li se joffri kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lill-ħaddiema fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA. Kien il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi li ppresjeda għall-iffirmar ta' ftehim kollettiv ġdid bejn l-OHSA, u l-Union Ħaddiema Magħqudin, il-UĦM – Voice of the Workers, ir-rappreżentanta tal-ħaddiema. Dan il-ftehim se jkun qed ikopri lill-ħaddiema tekniċi u amministrattivi u se jkun il-ħames ftehim li jkopri din is-sezzjoni minn mindu twaqqfet l-Awtorità.

 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal kif dan il-ftehim huwa l-aqwa wieħed tul dawn l-aħħar snin. “Dan se jkompli jibni fuq il-ftehim ta' qablu bl-għan li jsaħħaħ l-Awtorità u jirrikonoxxi l-ħidma li ssir minnha fis-settur," stqarr il-Ministru. Huwa qal li l-ftehim se jwassal għal titjib fl-istruttura tas-salarji, benefiċċji ġodda, żieda fir-rati tal-overtime u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi radd ħajr lill-uffiċjali fi ħdan it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan il-People and Standards Division u dawk kollha li matul ix-xhur li għaddew kienu parti min-negozjati għal dan il-ftehim. Huwa żied jgħid li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ħadmet biex jiżdied it-taħriġ fis-settur fl-istituzzjonijiet edukattivi li joffru suġġetti speċjalizzati fis-settur tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Mark Gauci qal li l-OHSA dejjem kellha magħha impjegati dedikati u professjonali, u dan il-ftehim kollettiv se jkun qiegħed jixpruna 'l quddiem aktar ħidma fi ħdan l-Awtorità. Huwa fisser kif il-ftehim kollettiv mhux biss qed jirrikonoxxi d-dedikazzjoni, l-impenn u l-professjonalità ta' dawn l-impjegati billi jsarraf f'titjib fil-kundizzjonijiet ta' impjieg, iżda huwa maħsub biex jattira aktar ħaddiema ġodda biex jaħdmu mal-OHSA. Min-naħa tagħha, il-UĦM – Voice of the Workers esprimiet sodisfazzjon li wara xhur sħaħ ta' negozjati waslet għal dan il-ftehim, li jkopri sal-2026 u li se jwassal għal aġġustament u titjib fil-pagi u l-allowances tal-ħaddiema. Il-UĦM qalet li minkejja li l-ftehim sar illum, kien hemm qbil fuq ħlas ta' arretrati sa mill-1 ta' Jannar 2022. Barra minn hekk, il-UĦM saħqet li dan il-ftehim kollettiv għall-ewwel darba qed joffri opportunità ta' żvilupp fil-karriera għall-ħaddiema klerikali.

 

Preżenti għall-iffirmar ta' dan il-ftehim kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People & Standards) Dr Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Carlos Tabone, kif ukoll Antoinette Aquilina u Mario Sacco f'isem il-Union Ħaddiema Magħqudin.​