Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika taż-Żambja, Patricia Chanda Chisanga Kondolo, ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella laqa’ lill-Kummissarju Għoli u osserva li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u ż-Żambja jistgħu jkomplu jissaħħu fl-oqsma tan-negozju u l-kummerċ kif ukoll permezz ta’ kooperazzjoni multilaterali fil-qafas tal-Commonwealth. B’mod aktar wiesa’, il-President Vella żied jgħid li l-viżjoni Maltija ta’ politika barranija u diplomazija ekonomika għall-Afrika hija bbażata fuq il-bini ta’ pedamenti sodi għal impenn fit-tul mal-kontinent Afrikan sub-Saħarjan kollu. Is-setturi tas-sostenibbiltà u l-enerġija jippreżentaw liż-żewġ pajjiżi b’toroq possibbli ta’ kooperazzjoni għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet.
Il-Kummissarju Għoli esprimiet l-interess tagħha li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali, u identifikat it-turiżmu bħala qasam li ż-Żambja hija partikolarment interessata li taħdem fuqu ma’ Malta. Ser isiru wkoll laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ biex jiġu sfruttati l-potenzjali eżistenti. Minn perspettiva reġjonali, il-Kummissarju Għoli ddikjarat li l-paċi u s-sigurtà huma ċentrali għall-interess taż-Żambja, peress li l-pajjiż jinsab imdawwar b’żoni ta’ kunflitt u instabbiltà reġjonali.