PR231399

19/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA: Ftehim għal ċentru ġdid għall-anzjani f’Bormla

Ġie ffirmat ftehim mal-Kurja biex iċ-Ċentru Parrokkjali Sagra Familja f’Bormla jkun jista’ jintuża bħala Ċentru tal-Anzjanità Attiva ta’ Matul il-Jum. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt żjara f’dan iċ-ċentru.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li għaddej xogħol ta’ rinnovazzjoni sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jibda jaħdem dan iċ-ċentru. Ix-xogħol jikkonsisti fi kmamar tal-banju ġodda, rinnovar fil-kċina, għamara ġdida, tibjid u nbidel ukoll il-pavimentar kollu.​


Il-Ministru Abela saħaq dwar l-importanza ta’ dan iċ-ċentru, li ser ikun l-ewwel ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani fil-qalba tal-Kottonera. B’kollox issa hawn 28 ċentru f’Malta, li joffru programmi ta’ attivitajiet sabiex l-anzjani jibqgħu attivi fis-soċjetà. Huwa qal li l-gvern kommess li jkompli joffri ċentri u spazji bħal dawn madwar il-pajjiż għall-ġid tal-komunità. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele saħaq li l-AACC dejjem lesta biex taħdem ma’ entitajiet differenti bil-għan li tkompli toffri l-ogħla kwalità fil-ħajja tal-anzjani. 

Għal iktar informazzjoni, kemm fuq dan is-servizz kif ukoll għal informazzjoni fuq servizzi oħra li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, iżur l-uffiċini li jinsabu 3, Triq Zekka, il-Belt Valletta, jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt. F’Għawdex, wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru tat-telefon 22788238, jew iżur l-uffiċini li jinsabu 39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex. Informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll permezz tal-freephone 153.