Tliet skemi importanti li tamministra l-Awtorità tad-Djar li qegħdin jissarrfu biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom, se jiġu msaħħa permezz ta’ ffirmar ta’ kollaborazzjoni mal-Bank APS.
It-tliet skemi, li huma l-iskema tad-Depożitu tal-10%, l-iskema tal-Equity Sharing u l-iskema tas-Social Loan, bil-kollaborazzjoni mal-Bank APS biss, fissru li 500 persuna oħra saru sidien ta’ darhom.
Waqt l-iffirmar, il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva lill-Bank APS bħala sieħeb strateġiku fis-settur tal-akkomodazzjoni li lkoll flimkien “qegħdin ngħinu u nassistu mijiet ta’ familji jitilgħu s-sellum tal-proprjetà.” Huwa insista li, “Il-politika għas-settur tal-akkomodazzjoni ta’ dan il-gvern tikkonvinċi u tikseb ir-riżultati, għaliex il-miżuri tagħha huma mibnija fuq id-djalogu soċjali man-nies, mal-entitajiet u l-policymakers.” Il-ministru temm jgħid li permezz ta’ din il-politika ħolistika, qed issir ġustizzja soċjali ma’ faxxa wiesgħa tas-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa spjega li l-Awtorità tad-Djar evolviet il-missjoni tagħha f’kullana ta’ opportunitajiet għall-akkomodazzjoni affordabbli. “Illum qegħdin inkomplu nsaħħu dawn l-iskemi u żied jgħid li flimkien mal-banek lokali bħall-APS “irridu nkomplu nżewġu l-innovazzjoni mal-ġustizzja soċjali b'soluzzjonijiet li jħallu impatt pożittiv fuq is-soċjetà Maltija.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank APS Marcel Cassar qal li l-bank huwa kburi li qed isaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-gvern permezz tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli. “It-tiġdid tal-ftehim tagħna huwa l-qofol ta’ dak li aħna nemmnu fih bħala bank, jiġifieri li nservu lill-komunità bi prodotti u servizzi li jagħmlu differenza, bħax-xiri tal-ewwel dar li ħafna drabi tkun l-aktar deċiżjoni importanti, u l-akbar investiment, fil-ħajja ta’ ħafna nies.”
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila.